It-tieni mewġa f’pajjiżi Ewropej se tkun qattiela – Direttur tal-WHO

FILE PHOTO: A woman wearing a face mask walks in a street, as Italy begins to ease some of the restrictions of the coronavirus disease (COVID-19) lockdown, in Taormina, Italy, May 12, 2020. REUTERS/Antonio Parrinello

Read in English.

Id-Direttur tar-reġjun Ewropew tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) qal li l-pajjiżi għandhom jistennew li t-tieni mewġa tal-coronavirus tkun waħda qattiela.

Dr Hans Kluge qal dan waqt intervista mal-ġurnal The Telegraph. Hu qal dan bi twissijja għall-pajjiżi li qed ineħħu ftit ftit il-miżuri restrittivi li kienu qed jipproteġuhom minn firxa kbira tal-virus. Hu sostna li dan huwa żmien ta’ preparazzjoni u mhux ċelebrazzjoni.

Kluge emfasizza li minkejja n-numru ta’ każi tal-coronavirus f’pajjiżi bħar-Renju Unit, Franza u l-Italja bdew jonqsu, dan ma jfissirx li l-pandemija kienet waslet fi tmiemha. Hu wissa li l-epiċentru tal-firxa Ewropea issa mexa lejn il-Punent bil-każi jiżdiedu fir-Russja, l-Ukraina, il-Belarus u l-Kazakhstan.

Irrimarka li l-pajjiżi għandhom jużaw dan il-perjodu b’mod xieraq u jibdew isaħħu s-sistemi tas-saħħa pubblika filwaqt li jibnu l-kapaċità fl-isptarijiet, il-kura primarja u l-units tal-kura intensiva.

“Singapore u l-Ġappun fehmu kmieni li dan mhux żmien ta’ ċelebrazzjoni imma ta’ preparazzjoni. Dan qed isir ukoll f’pajjiżi Skandinavi – mhux qed jeskludu t-tieni mewġa, imma qed jittamaw li tkun lokalizzata u kkontrollata b’mod immedjat,” qal Kluge.

Hu sostna li t-tieni mewġa tista’ taħbat ma’ firxa ta’ mard infettiv ieħor. Hu qal li jinsab imħasseb ħafna dwar mewġa doppja, fejn ikun hemm it-tieni mewġa tal-coronavirus u firxa tal-influwenza jew il-ħosba.

Madwar id-dinja bħalissa nstabu total ta’ 5,611,932 każ tal-coronavirus pożittiv. Minnhom irkupraw 2,388,376. Minn dawn 343,364 persuna spiċċaw tilfu ħajjithom minħabba l-virus.

Malta hija fost dawk il-pajjiżi li qed jirrilassaw il-miżuri. Fosthom il-ftuħ ta’ restoranti li jservu l-ikel fuq barra, ħwienet, bars, pixxini u lidos eċċ. F’Malta wkoll hawn dibattitu għaddej jekk it-tieni mewġa hix xi ħaġa li għandna nibżgħu minnha jew le. Il-Prim Ministru Robert Abela kemm-il darba sostna li “l-mewġ qiegħed biss fil-baħar”.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn