It-tieni mewġa f’Malta: ‘Riżultat ta’ avvenimenti tal-massa u messaġġi inkonsistenti’

Miguela Xuereb

Read in English.

Analiżi tal-iżvilupp tal-pandemija tal-coronavirus f’Malta minn professjonisti tas-saħħa lokali qalet li t-tieni mewġa f’Malta ġiet b’riżultat ta’ avvenimenti tal-massa. Intant issemmew ukoll il-messaġġ inkonsistenti li kienu qed jgħaddu ċertu setturi mhux relatati mas-saħħa.

L-istudju jgħid kif it-tieni mewġa tal-coronavirus qed iddur id-dinja hekk kif diversi restrizzjonijiet tneħħew. Il-professjonisti rrimarkaw li filwaqt li fil-bidu Malta kienet imlaqqma bħala l-“poster child” fil-ġlieda tal-ewwel mewġa, il-pajjiż safa vittma tat-tieni mewġa wara li beda jilqa’ t-turisti mill-1 ta’ Lulju tal-2020. Partikolarment, il-problemi bdew meta żewġ avvenimenti tal-massa ġew organizzati minkejja li l-awtoritajiet tas-saħħa kienu talbu biex dawn l-avvenimenti ma jsirux.

Minn 15 il-jum fejn fihom kienu rrappurtati biss madwar erba’ każi pożittivi, il-pajjiż reġa’ tela’ għal figuri doppji b’rata kbira ta’ trażmissjoni fil-komunità.

L-analiżi bl-isem ta’ “Mass Events Trigger Malta’s Second Peak After Initial Successful Pandemic Suppression” tħares fid-dettall lejn kif it-tieni mewġa ħasdet lill-pajjiż. Bejn is-17 u d-19 ta’ Awwissu kien seħħ party f’lukanda fejn attendew madwar 800 persuna. Jumejn wara, is-sitwazzjoni tal-coronavirus bdiet tikber mingħajr kontroll. Inqas minn ġimgħa wara, ċelebrazzjonijiet ta’ festa partikolari rriżultaw fil-bidu ta’ cluster ieħor ta’ persuni pożittivi għall-coronavirus u b’hekk il-virus beda jinfirex fil-komunità.

Il-professjonisti, fosthom is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci, qalu li d-dinja kollha qed tesperjenza żieda kbira fil-każi tal-coronavirus minħabba aġir irresponsabbli minn persuni ta’ kwalunkwe età. Qalu iżda li l-akbar ħtija taqa’ fuq l-adolexxenti hekk kif dawn huma fost l-aktar li jattendu avvenimenti bħal parties.

Tkellmu wkoll dwar kif kien hemm firxa ta’ messaġġi inkonsistenti minn setturi u awtoritajiet li mhux relatati mas-saħħa. Qalu li kien hemm min qed jgħid lill-pubbliku li “kollox kien taħt kontroll” u li “Malta miftuħa għan-negozju”. Sostnew li dawn il-messaġġi taw sinjali foloz li l-coronavirus għadda u mar u li l-attivitajiet turistiċi setgħu jerġgħu jidħlu fis-seħħ mingħajr l-ebda limitazzjonijiet. Fl-istess perjodu, is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne komplew jenfasizzaw lill-pubbliku l-importanza li jibqa’ viġilanti u jżomm id-distanza soċjali.

Fil-konklużjonijiet tal-istudju, l-professjonisti tas-saħħa qalu li l-protezzjoni tas-saħħa tal-popolazzjoni trid tkun il-prijorità ta’ kulħadd f’dawn iż-żminijiet. Sostnew li l-fattur prinċipali biex it-tifrix tal-virus jonqos huwa li wieħed jikseb il-fiduċja tal-poplu u jkompli jinsisti dwar iġjene tal-idejn, id-distanza soċjali u l-ilbies tal-maskri biex fl-istess waqt ikunu anke protetti l-persuni vulnerabbli. Semmew kif fl-aħħar jiem kien hemm ukoll żieda ta’ infezzjonijiet fl-anzjani. Sostnew li jekk il-poplu u l-awtoritajiet ma jaħdmux id f’id, mela l-pandemija mhux se ngħelbuha, speċjalment meta l-istaġun tal-influwenza jinsab magħna.

L-analiżi kienet ippubblikat fil-Journal of Community Health fuq Springer Link. Il-kontributuri tiegħu huma Dr Sarah Cuschieri mid-Dipartiment tal-Anatomija, Dr Martin Balzan mid-Dipartiment Respiratorju, is-Superintendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci, Steve Agius li huwa ċ-Chief Operating Officer tal-Isptar Mater Dei u Prof. Victor Grech mid-Dipartiment tal-Pedjatrija.