It-tieni mewġa? Abela vs Fearne

Filwaqt li d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika u diversi esperti tkellmu regolarment dwar il-periklu li jiġi jekk ikun hawn it-tieni mewġa ta’ coronavirus, il-Prim Ministru Robert Abela pprefera jara din it-twissija minn lenti inqas serja. Huwa qal li l-mewġ qiegħed għall-baħar fejn in-nies jistgħu jmorru biex igawduh.

Is-Sibt fuq 103 Malta’s Heart id-Deputat Prim Ministru semma l-possibiltà li tul is-sajf nirrilassaw il-miżuri iżda jista’ jiġri li jkollna nerġgħu nissikkaw fix-xitwa. Dalgħodu l-Prim Ministru qal li huwa qed iħares biex f’Settembru li ġej ikun qed jaqta’ ż-żigarelli ta’ stabbilimenti ġodda.

Is-Sibt fuq 103 Malta’s Heart, id-Deputat Prim Ministru qal li huwa bħal nhar it-Tnejn ġimgħa li jagħlqu t-tliet ġimgħat li kien qal li se jieħu l-Gvern qabel iħabbar miżuri ġodda. Iżda l-Ħadd filgħodu l-Prim Ministru ħabbar miżuri ġodda fosthom dwar il-ftuħ ta’ ristoranti.

It-tieni mewġa: ta’ veru jew biex ibeżżgħu?

Il-Prim Ministru l-Ħadd filgħodu waqt li kien fuq One TV qal ċar u tond li ħadd ma għandu joqgħod ibeżża’ bit-tieni mewġa:

“Isemmu ħafna t-tieni mewġa u mhux it-tieni mewġa. Il-mewġ fil-baħar qiegħed. U flok noqogħdu nbeżżgħu bit-tieni mewġa u mhux bit-tieni mewġa, l-aħjar ħaġa li jistgħu jagħmlu n-nies hija li jmorru l-baħar u jgawdu l-baħar.”

Il-Prim Ministru żied jgħid li l-evidenza xjentifika u mill-qasam mediku turi li m’hemmx bżonn li n-nies jibqgħu msakkrin.

Il-Ħadd kmieni wara nofsinnhar is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci appellat biex nibqgħu viġilanti għax “il-virus huwa l-istess. Jinfirex l-istess. Ma nbidel xejn”.

Il-Ħadd 17 ta’ Mejju:
Filmat: 7 każi ġodda; ifiqu 4

Mill-banda l-oħra d-Deputat Prim Ministru kemm-il darba uża metafori meħuda mill-mewġ u l-baħar. Huwa dejjem kien jgħid li rridu nieħdu l-miżuri biex minflok tsunami jkollna mewġa. Fil-ġurnata li fiha ma kien hemm l-ebda każ, id-Deputat Prim Ministru qal li issa li l-pajjiż irid jaħdem biex il-mewġa tinbidel f’rima.

Il-biża’ li jkun hawn it-tieni mewġa ta’ coronavirus u li din tista’ tkun perikoluża semmietha kemm-il darba s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci.

L-espert tal-istatistika Dr Vincent Marmara qal ukoll li jekk nibqgħu bin-numri ta’ bħalissa jista’ jkun li qegħdin fit-tieni mewġa.

Il-Ħadd il-websajt The Telegraph kellu intervista esklussiva ma’ Dr Hans Kluge, id-direttur tar-reġjun Ewropew tal-Għaqda Dinjia tas-Saħħa. Kluge wissa li l-pandemija ma għaddietx u li l-pajjiżi Ewropej għat-tieni mewġa li mistennija tkun qerrieda, bl-Ingliż ‘deadly’.

Huwa wissa ħafna lill-pajjiżi li qed jirrilassaw għax qal li issa huwa ż-żmien tal-preparazzjonijiet mhux iċ-ċelebrazzjonijiet. Skont l-espert tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa issa huwa ż-żmien li l-pajjiżi jsaħħu s-sistemi tagħhom tas-saħħa pubblika u jkabbru l-faċilitajiet fl-isptarijiet, fil-kura primarja u fl-intensive care units.

Nirrilassaw u nerġgħu nissikkaw?

Is-Sibt fuq 103 Malta’ Heart, id-Deputat Prim Ministru tkellem dwar id-diffikultajiet li jħoss bħalissa. Qal li:

“Jekk hemm tieqa rridu nbexxquha ftit biex tidħol naqra arja iżda jista’ jkun li jkollna nerġgħu nagħlquha. Fis-sajf ikun hemm anqas mard respiratorju milli jkun hemm f’Novembru, Diċembru u Jannar, meta jkun hemm ħafna anzjani b’dan il-mard fl-isptar.

Ġunju, Lulju u Awwissu huwa dak iż-żmien fejn nistgħu ngħidu għandna tieqa żgħira.”

Iżda l-Prim Ministru donnu mhux qed jikkontempla din il-possibiltà. Il-Ħadd qal li huwa mhux qed iħares li niftħu l-istabbilimenti tagħna u jiġi Settembru u nagħlqu. Huwa qed iħares li f’Settembru jkun qed jiftaħ stabbilimenti ġodda.

Tħabbir fuq One TV biss

Fl-1 ta’ Mejju saret konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Prim Ministru, mid-Deputat Prim Ministru u mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika. F’dik il-konferenza tal-aħbarijiet ngħata tagħrif dwar kif se jkunu rilassati b’mod kontrollat ċerti miżuri.

Tul il-konferenza tal-aħbarijiet intqal li jekk sa tliet ġimgħat oħra l-figuri jibqgħu tajbin, il-Gvern kien lest jirrevedi miżuri oħra.

Id-Deputat Prim Ministru meta tkellem fuq 103 Malta’s Heart is-Sibt qal li t-tliet ġimgħat li ssemmew f’dik il-konferenza tal-aħbarijiet jagħlqu bħal għada ġimgħa.

Din id-darba r-rilassament tal-miżuri li jinkludu l-ftuħ tar-ristoranti tħabbar mill-Prim Ministru fuq One TV minflok permezz ta’ konferenza tal-aħbarijiet.

Mhux tug of war

Id-Deputat Prim Ministru meta kien mistoqsi dwar nuqqas ta’ qbil bejnu u bejn il-kollegi tiegħu qal li bejniethom ikun hemm diskussjonijiet u  battibekki jaħarqu imma mhux tug of war.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn