It-tieni ktieb ta’ Ġikkur

GIKKUR

Wara l-ewwel ktieb ta’ Ġikkur li kien jismu Ġikkur: Nifs ‘il ġewwa u ieħor ‘il barra, immedita ħalli tikkalma (pubblikazzjoni Faraxa) issa se jinħareġ it-tieni ktieb minn din is-sensiela.

L-awtur Cedric Chircop jgħid li l-iskop tiegħu sabiex jikteb stejjer għat-tfal minn dejjem kien biex b’mod sempliċi u edukattiv ikun jista’ jgħin lit-tfal biex jegħlbu l-biżgħat u n-nuqqas ta’ self-esteem li jgibu magħhom ħafna ansjetà.

Ġikkur huwa ħlejqa ħelwa li jieħu tfal b’nuqqas ta’ kunfidenza jew b’ħafna biża’ u ansjetà fihom, għal vjaġġi avventurużi u maġiċi, li jibdlilhom ħajjithom. Jagħmlu dan billi jipprattikaw tekniċi varji bħal meditazzjoni, it-teħid tan-nifs Diaframmatiku (diaphragmatic breathing) u l-Affermazzjoni (il-lingwa tal-posittività).

“Nemmen li jekk indaħħlu dawn il-prattiċi fil-kurrikulum edukattiv minn ta’ età żgħira, inkunu qed insawru f’uliedna saħħa mentali qawwija u tagħlim kif tista’ tikkalma u tieqaf tinkwieta,” ikkummenta l-awtur Cedric Chircop.

“L-istorja minnha nnifisha timbutta ħafna n-natura, l-bini storiku u l-pożittività, kif ukoll il-valuri b’saħħithom li jagħmlu soċjetà aktar magħquda. Filfatt l-isem tal-kreatura Ġikkur ma hu xejn ħlief anagramma tal-valuri: Ġenerożità, Imħabba, Kreattività, Kuntentizza u Rispett. L-ebda minn dawn il-valuri ma jista’ jinxtara bil-flus!” temm jgħid Chircop.

Ġikkur huwa pubblikazzjoni Faraxa u għal aktar dettalji biex tixtri dan il-ktieb tista’ tidħol fil-paġna Facebook ta’ Ġikkur. Tistgħu ukoll tordnaw il-kopja tagħkom mingħand Faraxa jew permezz tan-numru 99820157.