It-tieni każ ta’ persuna li fieqet mill-HIV

BBC

Pazjent Ingliż li kien isofri mill-HIV, wara trapjent ta’ stem cell, irnexxielu jegħleb din il-marda. It-tobba rrappurtaw li dan huwa t-tieni każ ta’ dan it-tip, fejn għaxar snin ilu, pazjent f’Berlin irċieva bone-marrow transplant minn donatur b’immunità naturali għall-vajrus. Dan kien l-ewwel każ meta persuna rnexxiela tegħleb l-HIV.

Il-pazjent Ingliż kien qed jiġi trattat għall-kanċer u issa ilu għal dawn l-aħħar 18-il xahar ma jsofrix mill-HIV. Dan il-pazjent kien anke qed ibati minn Hodgkin’s lymphoma u kien qed jieħu l-kimoterapija bħala trattament għal dan il-kanċer. Apparti minn hekk, stem cells ġew impjantati fih minn donatur reżistenti għall-HIV.

Ir-riċerkaturi qalu li għadu kmieni wisq biex jgħidu jekk l-HIV ta’ dan il-pazjent ġietx ikkurata jew le. Esperti qalu li l-mod ta’ kif ġie trattat l-HIV ta’ dan il-pazjent mhux prattiku, però jaf iwassal biex xi darba tinstab il-kura.

Għalkemm ir-riżultat ta’ dan il-każ kien pożittiv, mhuwiex qed joffri trattament ġdid għall-persuni li jbatu mill-HIV.