It-tieni Ħadd t’Ottubru se jibda jkun iddedikat lin-Nanniet

It-tieni Ħadd t’Ottubru se jibda jkun iddedikat lin-nanniet. Permezz ta’ mozzjoni mressqa fil-Parlament illejla, din il-ġurnata fil-kalendarju Malti se tibda tissejjaħ “Jum in-Nanniet” fuq livell nazzjonali.

Il-mozzjoni, li tressqet mis-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u l-Anzjanità Attiva Franco Mercieca, ġiet issekondata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Anzjani Mario Galea. L-inizjattiva kienet tal-Fondazzjoni Nanniet Malta bi qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra.

Fil-preżenza tal-kumitat tal-Fondazzjoni Nanniet Malta fil-Parlament, Franco Mercieca qal li r-rwol tan-nanniet kien, għadu u ħa jibqa’ importanti fis-soċjetà Maltija. Hu qal li l-Gvern, permezz ta’ emendi fil-politika tiegħu matul is-snin li ġejjin, se jkun qed isaħħaħ ir-rwol tan-nanniet b’diversi inizjattivi.

Mario Galea qal li n-nanniet qed jagħtu ħafna lis-soċjetà mingħajr ma jippretendu rikonoxximent. Hu rreferi għalihom bħala “l-ewwel child care centre fil-pajjiż” li hu ppreferut mill-familji Maltin u Għawdxin. Hu faħħar ukoll lill-għaqdiet oħra lokali li jagħmlu xogħol fost in-nanniet u l-anzjani, inkluż għaqdiet fi ħdan il-Knisja bħal Għaqda Nanniet Kattoliċi, filwaqt li sellem lill-anzjani kollha madwar Malta u Għawdex għall-ħafna li taw u li għadhom jagħtu lill-pajjiż. Hu ddeskrivihom bħala "l-għassiesa tal-valuri tagħna".