Personalitajiet ewlenin fin-negozju jiġġudikaw it-tieni edizzjoni tal-Premju Malta Businesswoman of the Year

Read in English.

Għat-tieni sena konsekuttiva, premjijiet li jirrikonoxxu l-kisbiet tan-nisa fin-negozju qed ikunu ġġudikati minn bord li jispikka b’personalitajiet ewlenin mis-settur tan-negozju. Il-grupp hu magħmul minn Caroline Buhagiar Klass, Kap tar-Riżorsi Umani u Sostenibbiltà Korporattiva ta’ HSBC Malta (Ċerpersin tal-panel ta’ ġudikanti); David Xuereb, President tal-Kamra tal-Kummerċ; Giuliana Isolani, Country Manager ta’ Nestlé Malta Limited; Simon De Cesare, Kap Eżekuttiv tal-Grupp Eden Leisure u Susan Weenink Camilleri, Kap tas-Sales & Marketing ta’ Simonds Farsons Cisk p.l.c.

It-tieni edizzjoni tal-Premju Malta Businesswoman of the Year (MBWYA) tnediet fi Frar mill-Eċċellenza Tiegħu l-President ta’ Malta, George Vella.  Il-Premju, maħluq bl-appoġġ tal-HSBC Bank Malta p.l.c., taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, hu maħsub biex jippromwovi u jirrikonoxxi nisa li kisbu suċċess sinifikanti fin-negozju, u għandu l-għan li jispira u jagħti s-saħħa lin-nisa biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.  L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-MBWYA qed tkun sponsorjata mill-HSBC, flimkien mal-Grupp Farsons u Nestlé Malta Limited.

Caroline Buhagiar Klass qalet: “Għal darb’oħra kien hemm numru ta’ nominazzjonijiet li spikkaw għall-premjijiet ta’ din is-sena, li jinkludu mhux biss il-‘Businesswoman of the Year’, iżda wkoll il-‘Young Businesswoman of the Year’u l-‘Company Award for Excellence in the Promotion of Women in Business’.  L-għażla tar-rebbieħa kienet bla dubju proċess iebes, iżda wkoll wieħed ta’ sodisfazzjon u jien, flimkien mal-kollegi tiegħi fil-bord tal-ġudikazzjoni, konna impressjonati ħafna bil-kwalità tan-nominazzjonijiet.”

L-applikazzjonijiet kienu miftuħa għan-nisa kollha li jaħdmu f’impriżi u f’negozju f’Malta u Għawdex, u n-nominazzjonijiet għalqu f’nofsinhar l-Erbgħa 1 ta’ April 2020.  Ir-rebbieħa se jitħabbru esklussivament fiċ-Ċerimonja tal-Premjijiet MBWYA fit-12 ta’ Settembru 2020.

Aktar tagħrif jinsab fuq il-websajt iddedikata www.mbwya.com.mt