Aġġornata (1): It-tieni att vandalu fuq kandidati tal-elezzjoni fi ftit jiem

Il-karozza ta’ Charlot Cassar, kandidat Nazzjonalista fl-elezzjoni li għaddiet, sfat vandalizzata lbieraħ filgħodu, f’dak li hu t-tieni att vandalu fuq kandidati elettorali f’temp ta’ ftit jiem.
Fuq Facebook Cassar tella’ żewġ ritratti li juru kif tniżżlulu żewġ tajers ta’ ġenb u girfulu l-mudguard.
F’kummenti li ta lill-midja lokali, Cassar stqarr li għalkemm l-att vandalu seħħ ftit jiem wara elezzjoni ġenerali, ma jistax jikkonkludi jekk il-mottiv kienx politiku.
Sostna li atti simili ma jwasslu mkien.
Il-ġimgħa l-oħra persuna jew persuni ppruvaw iqabbdu l-bieb tal-klinika tal-kandidat Laburista Jeffrey Pullicino Orlando billi poġġew kontenitur bil-petrol u tawh in-nar.
Fortunatament xi żgħażagħ fil-qrib indunaw bin-nar u tfewh.
"Nikkundannaw dan l-att kodard" – PN
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista esprima s-solidarjetà tiegħu ma' Cassar wara li sofra dan l-att vandalu fuq il-karozza tiegħu.