It-tielet akkużat bil-qtil doppju f’Tas-Sliema jwieġeb mhux ħati

Aġġornat 01:41 PM
Jesper Kristianen qtil doppju
Miguela Xuereb

Read in English.

Propju llum tressaq il-Qorti t-tielet suspettat bil-qtil doppju t’Tas-Sliema f’Awwissu li għadda. Hu wieġeb mhux ħati.

Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski huma ż-żewġ irġiel li nqatlu ġo darhom fi Triq Locker fit-18 ta’ Awwissu. Tliet irġiel qed jitressqu l-qorti akkużati b’dan il-qtil: Daniel Muka ta’ 25 sena, Viktor Dragomanski ta’ 26 sena u issa żdied magħhom ukoll Jesper Kristianen, ta’ 30 sena.

Kristianen ta’ nazzjonalità Daniża qal fil-Qorti li hu m’għandux residenza fissa u b’hekk ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu. Hu tressaq il-Qorti mill-Ispetturi tal-Pulizija James Grech u Colin Sheldon quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Donatella Frendo Dimech illum waranofsinhar.

Ir-raġel, li kien estradit minn Spanja lejn Malta lbieraħ, wieġeb mhux ħati tal-akkużi.

Kristiansen qed jaffaċċja l-istess akkużi tat-tieni suspettat, Viktor Dragomanski. Hu ġie akkużat bil-qtil tal-koppja, serq, estorsjoni, pussess ta’ arma waqt li kienet qed titwettaq offiża, immaniġġjar ta’ oġġetti misruqa u s-serq ta’ karozza u tibdil tal-pjanċi għal pjanċi misruqa.

Il-Qorti ordnat li jkunu ffriżat l-assi ta’ Kristianen.