​It-Tielet Ranking Turnament fit-Table Tenis

Fi tmiem ix-xahar ta’ Frar, TopSpin Table Tennis Academy organizzat it-Tielet Ranking Turnament tagħha fl-iskola Santa Monika ġewwa Birkirkara.
L-istess turnament huwa serje ta’ turnaments apposta li jiġu organizzati għall-istudenti tal- akkademja, fejn l-istudenti jiġu mqassma fi tlett kategoriji differenti, skond il-livell tagħhom.
Huma propju dawn it-turnaments li jgħinu lill-istudenti jirbħu l-punti għas-sistema tar-ranking.
Fil-Gold Category, l-ogħla kategorija fl-akkademja, ħareġ rebbieħ Ryan Tabone fuq Kendrick Chircop.
Ta’ min wieħed isemmi li waqt il-lig nazzjonali, Tabone rebaħ kemm lil Mario Genovese, ex-ċampjin ta’ Malta u lil Alex Soler, plejer ieħor rinomat fil-logħba tat-table tenis f’pajjiżna.
Fit-tieni kategorija, fis-Silver Category f’finali kumbattuta, ħareġ rebbieħ għall-ewwel darba Jens Seeman Pace.
Huwa għeleb lil Jean Claude Tonna, ir-rebbieħ tal-aħħar tournement li sar, organizzat mill-istess akkademja.
Dawn iż-żewġ studenti, fl-eta żgħira ta’ tlettax-il sena diġa’ kellhom riżultati posittivi f’turnaments organizzati mill-Assoċjazzjoni Maltija tat-table tenis. Julian Tirazona u Brian Cassar spiċċaw fit-tielet u r-raba’ post rispettivament.
Fil-Bronze Category kien hemm diversi sorpriżi wkoll.
Din il-kategorija li ntlagħbet f’forma ta’ round robin intrebħet minn Matthew Attard li rebaħ il-logħob kollha tiegħu.
Ta’ min isemmi li għall-Attard dan kien l-ewwel turnament tiegħu mal-akkademja.
L-istess kien għal Michael Micallef li spiċċa fit-tielet post.
Fit-tieni post, bil-midalja tal-fidda spiċċa Asaacahia Farrugia li tilef logħba waħda biss, kontra l-istess Attard.
Fi tmiem il-logħob, kull rebbieħ ġie preżentat bil-midalji u t-tazzi.
Il-Head Coach tal-akkademja Edward Baldacchino kellu kliem ta’ tifħir għal kull plejer.
Ir-raba’ ranking turnament jitħabbar fil-ġimgħat li ġejjin.