It-tielet protesta biex Konrad Mizzi u Keith Schembri jirriżenjaw

Se ssir it-tielet protesta biex issejjaħ għar-riżenja tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.
Din id-darba se ssir minn Membri tas-Soċjetà Ċivili organizzata minn Michael Briguglio.
Aktar kmieni l-Membri tas-Soċjetà Ċivili kienu organizzaw petizzjoni onlajn bit-talba biex Konrad Mizzi u Keith Schembri jirriżenjaw.

Il-protesta se ssir fl-isfond tal-każ tal-Panama, fejn kemm Konrad Mizzi kif ukoll Keith Schembri ammettew li għandhom trust fi New Zeland u kumpanija fil-Panama.
Iktar kmieni l-Panama Papers Leaks kixfu li Mizzi u Schembri pprovaw jiftħu kont il-bank fid-Dubaj.
Waqt il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Konrad Mizzi qal li bħalissa jinsab f'kunflitt intern u ma jistax jinjora r-rabja tal-poplu u jinsab lest li jaċċetta kull deċiżjoni li jista' jieħu l-Prim Ministru u lest li jikkampanja bis-sħiħ fl-elezzjoni ġenerali tal-2018.
Iktar kmieni l-Prim Ministru qal li l-Gvern mhux qiegħed jinjora u lanqas mhux qed jagħti każ iżda se jaġixxi u jindirizza kollox meta jkollu l-fatti f’idejh. Fid-diskors tiegħu waqt il-Konferernza Ġenerali, il-Prim Ministru qal li d-deċiżjoni dwar il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri se joħodha, imma mhux issa.
B’rabta ma’ dan il-każ il-Gvern se jiffaċċja vot ta’ sfiduċja nhar it-Tnejn li ġej.
Il-protesta tal-Membri tas-Soċjetà Ċivili se ssir nhar is-Sibt 7 ta’ Mejju fl-10am, quddiem il-Parlament.