It-Tielet Kungress Teoloġiku tal-Amerika Latina se jiddiskuti l-karba tal-fqir

Fl-24 ta’ Marzu li għadda, fl-anniversarju tal-martirju tal-Arċisqof Oscar Romero, fetħet ir-reġistrazzjoni għat-Tielet Kungress Kontinentali dwar it-Teoloġija li se jsir f’San Salvador bejn it-30 ta’ Awissu u t-2 ta’ Settembru ta’ din is-sena.
Il-Kungress, li hu organizzat mill-Fakultà tat-Teoloġija tac-Central American University u n-Network Amerindia, se jkollu t-tema “Il-karba tal-fqir u tad-dinja jisfidawna. 50 sena mill-konferenza ta’ Medellin”.
L-iskop ewlieni tal-Kungress hu li jkun hemm impenn favur il-karba tal-fqir u tad-dinja fid-dawl tal-writ teoloġiku pastorali tat-tieni Konferenza Ġenerali tal-Isqfijiet tal-Amerika Latina li kienet saret f’Medellin fil-Kolombja fl-1968.
Id-dokument ta’ Medellin kif ukoll dawk li ħarġu mill-Konferenzi ta’ Puebla (1979), Santo Domingo (1992) u Aparecida (2007) taw importanza lill-foqra.
Il-Papa Franġisku nnifsu meta f’Settembru tas-sena li għaddiet żar il-Kolombja fakkar fl-importanza li nirritornaw “għall-wirt tal-Kungress ta’ Medellin” għax inkella jibqa’ sempliċement memorja.
“It-tfakkira ta’ Medellin għandha twassalna biex niċċelebraw ix-xhieda tal-martri li għexu l-Vanġelu u l-għażla favur il-fqir anke jekk din tħalli konsegwenzi estremi u negattivi”, qalet Martha Zechmeister, waħda mill-organizzaturi tal-Kungress. 
Il-parteċipanti mistennija janalizzaw il-problemi u t-tamiet tal-foqra, il-kuntest soċjokulturali, politiku, ekkleżjastiku u teoloġiku fl-Amerika Latina u l-Karibew fid-dawl tal-orizzonti ġodda li fetħu l-ekumeniżmu u d-djalogu interreliġjuż.
Aktar minn 20 kelliem mistennija jindirizzaw il-Kungress, fosthom il-Kardinal Josè Gregorio Rosa Chavez, kif ukoll numru ta’ teologi u ħaddiema pastorali.
Se jkunu diskussi 14 il-tema differenti fuq suġġetti topiċi li se jippruvaw joffru alternattivi biex ikunu indirizzati l-karba tal-foqra u tad-dinja
Tul dawn l-erbat ijiem se jsiru konferenzi, diskussjonijiet, gruppi ta' ħidma, komunikazzjonijiet xjentifiċi kif ukoll mementi kulturali u ta’ ċelebrazzjoni.
Se jsir ukoll pellegrinaġġ għall-postijiet tal-martirju ta’ dawk li taw ħajjithom, bħall-Arċisqof Romero.