It-tieġ jiswiehom biss £1

Georgina u Sid huma Skoċċiżi. Nefqu biss £1 għat-tieġ tagħhom. It-tnejn li huma iħobbu jirriċiklaw u jużaw prodotti li jkabbru huma stess. Il-£1 nefquha fuq il-libsa tat-tieġ ta’ Georgina. Talbu lill-ħbieb u l-qraba tagħhom iġibu l-ikel magħhom u joffru t-talenti tagħhom.

L-għarajjes qalu li fit-tieġ, l-attenzjoni kienet iffukata fuq dak li hu importanti: l-għaqda fil-familja.

It-tieġ sar f'għorfa wara d-dar tagħhom. Georgina għamlet iċ-ċrieket minn friegħi li sabet fil-ġnien. Wara ċ-ċerimonja taż-żwieġ, qasmu l-ikel u x-xorb li ġabu magħhom il-mistednin. Iz-zija tagħha ħmiet il-kejk tat-tieġ. Missier l-għarusa li huwa mużiċist, ipprovda l-mużika għal waqt iż-żfin. Il-fotografu professjonali offra r-ritratti u l-filmat tat-tieġ b'xejn, bi qbil li l-għarusa teditja l-filmat hi stess. 

Iż-żewġ maħbubin qalu li ma kienx jagħmel sens li jonfqu madwar £20,000 għat-tieġ għax dan kien itellef mill-vera sens tal-okkażjoni speċjali taż-żwieġ tagħhom.

Il-koppja Skoċċiża bħalissa tinsab Berlin għal qamar il-għasel. F’din il-belt huma kienu iltaqgħu u saru jafu lil xulxin. Hemmhekk se joqogħdu għand ħbiebhom.