It-tidal lane tieħu btala għas-sajf

Għall-ġimgħat li ġejjin, it-tidal lane ta’ Vjal Sir Paul Boffa se tkun qed topera biss fid-direzzjoni ta’ Raħal Ġdid.
Dan ikkonfermah ma’ Newsbook.com.mt kelliem għal Transport Malta wara li diversi qarrejja ilmentaw li l-karreġġjata qed tkun magħluqa.
Il-kelliem spjega kif it-tidal lane qed topera biss fid-direzzjoni ta’ Raħal Ġdid biex f’kull ħin ikun hemm żewġ karreġġjati ‘l isfel u tnejn ‘il fuq.
Spjega li dan qed isir minħabba li l-andament tat-traffiku jkun differenti hekk kif l-iskejjel fl-inħawi jinsabu bil-btajjel tas-sajf.
Apparti minn hekk, il-kelliem qal ma’ Newsbook.com.mt li fi żmien li ġej se jibdew it-tħejjijiet għall-proġett estensiv biex titjieb il-junction ta’ Aldo Moro.
Għalhekk, biswit iċ-Ċimiterju tal-Addolorata ser jibdew jiddaħħlu arranġamenti ġodda tat-traffiku u dawn jistgħu jinkludu wkoll tibdil fl-użu tat-tidal lane.