It-tibdiliet fil-Wikipedia ta’ Omtzigt mhux reat kriminali – Camilleri

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal li mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija ħareġ li t-tibdiliet li saru fuq il-paġna tal-Wikipedia ta’ Pieter Omtzigt m’humiex reat kriminali.

Camilleri kien qed iwieġeb mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Claudette Butigieg. Hi staqsiet jekk saritx investigazzjoni dwar il-każ u x’passi ittieħdu mill-uffiċċju tal-Gvern li minnu “saret il-manipulazzjoni”. Camilleri spjega li stħarriġ li ma jaqax bħala reat kriminali ma jaqax taħt id-dikasteru tiegħu.

Nhar l-Erbgħa li għadda, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici temm il-kuntratti ta’ persuna li bidlet il-profil tal-Wikipedia ta’ Pieter Omtzigt. Omzigt huwa r-rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol kien qal li Bonnici ttermina l-kuntratti kollha “b’effett immedjat”. Il-persuna kellha kuntratti ta’ konsulenza għal diversi snin fi ħdan il-Ministeru.

Skont il-Ministru, investigazzjoni teknika żvelat li fil-ġimgħat li għaddew il-persuna użat kompjuter reġistrat fuq il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol biex tbiddel il-profil tal-Wikipedia ta’ Pieter Omtzigt.

Fuq Twitter, il-MP tal-PN Jason Azzopardi qal li hemm bżonn li jittieħdu passi kriminali. Talab ukoll biex l-isem tal-persuna jiġi ppubblikat.

Aktar tard il-Ministru Evarist Bartolo qal li l-persuna identifikata ma kinitx konsulent tiegħu u lanqas ma kienet tifforma parti mill-istaff privat tiegħu.