It-tibdil fil-Kostituzzjoni tal-Indja se jkun diżastruż għall-insara

L-Isqof Nazarene Soosai tad-djoċesi ta’ Kottar

Is-sitwazzjoni għall-insara Indjani se tmur għall-agħar jekk tinbidel il-Kostituzzjoni biex il-pajjiż jinbidel f’teokrazija Hinduista, qal l-Isqof Nazarene Soosai tad-djoċesi ta’ Kottar, fl-Indja.

L-Isqof f’intervista mal-organiżazzjoni Kattolika Aid to the Church in Need, wissa’ li d-diskriminazzjoni u l-persekuzzjoni li jsofru l-insara fl-Indja se tkompli tiħrax. Huwa qal “Qed nibża’ li se tinbidel il-Kostituzzjoni biex jagħmlu mill-Indja stat Hinduista.

Nazzjon Hindu

Hu qal dan wara li x-xahar li għadda, Savitrabai Phule, li qabel kien membru tal-partit Janata Party qal li qed issir konfoffa biex tinbidel il-Kostituzzjoni Indjana. L-Isqof kompla li “Jgħidu li ma hawnx nazzjon Hindu u allura jridu jagħmlu l-Indja, nazzjon Hindu”.

“Jgħidu li hemm bżonn li nsiru stat Hinduista biex nopponu l-Pakistan li hu Musulman għax il-pajjiżi kollha tal-Punent huma nsara – għalkemm huma sekulari ħafna – u allura jsostnu li hawn bżonn ta’ Stat Hindu.”

Skont l-Isqof Soosai, mossa bħal din se tagħmel il-ħajja tal-insara u minoritajiet reliġjużi oħra, ferm aktar diffiċli milli hi llum.

Filwaqt li fid-djoċesi ta’ Kottar, l-insara għadhom ma sofrewx l-attakki li seħħew f’partijiet oħra tal-pajjiż, fl-2017 kienu rappurtati 736 attakk fuq l-insara. Barra minn dan l-insara għadhom isofru minn diskriminazzjoni kbira.

Minoritajiet reliġjużi taħt attakk

L-Isqof żied jgħid li l-minoritajiet reliġjużi fl-Indja huma taħt attakk. Id-drittijiet tal-minoranzi huma mhuedda u spiss miksura. “U meta titkellem għad-drittijiet umani jittimbrawk li m’intix patrijott”.

Skont l-Isqof l-influwenza ta’ gruppi tal-lemin estrem Hinduisti qed iħallu impatt negattiv fuq il-politika tal-pajjiż.

Huwa żied jgħid li: “Bażikament jgħidu li l-Indja hi għall-Hindu – dan is-slogan tisimgħu kull fejn tmur. Jagħmlu propaganda falza biex jippolarizzaw lill-Hindu kontra l-Insara u dan deher ċar fl-aħħar elezzjoni ġenerali. Jippruvaw jaqsmu l-poplu a bażi tar-reliġjon meta fil-fatt aħna ngħixu f’armonija kemm mal-Hidnu kif ukoll mal-Musulmani”.