It-tibdil fid-diżinn tal-Park tal-Familja wassal ukoll għat-tibdil tal-fondi

Wara l-kontroversja li nqalgħet bl-għeluq tal-Park tal-Familja f’Marsaskala, Newsbook.com.mt staqsa lill-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima sabiex jindika mir-rapport tal-Management Efficiency Unit, fejn sar tibdil jew indħil fid-diżinn oriġinali tal-Park kif allegat mill-Ministru.

Fit-tweġiba tiegħu il-Ministeru għamel referenza għar-rapport, bl-MEU isostni li t-tibdil mill-kunċett oriġinali jidher l-aktar jekk wieħed jikuntrasta d-diżinn oriġinali tas-sit mad-diżinn tal-Park kif inhu bħalissa.

Mid-diżinn oriġinali tħalla barra xi żvilupp u sar ukoll tibdil fil-mod kif inhu imqassam il-post.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li t-tibdil fil-parti l-kbira tiegħu kien rifless ukoll f’dak li eventwalment ntalab u ngħata fil-pakkett ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea.

Dan għaliex it-tibdil fid-diżinn ġab miegħu tibdil fil-fondi. 

L-MEU iżda ma kkonfermax jekk dan it-tibdil sarx sabiex il-Park tal-Familja jinfetaħ qabel l-elezzjoni ġenerali. 

Mistoqsi jekk il-fondi li nġiebu mill-Unjoni Ewropea intefqux kif kien allokat oriġinarjament, il-Ministeru sostna li dawn ġew utilizzati skont it-talba li kienet saret u l-grant agreement relevanti. Jibqa’ l-fatt li dak li ntalab kien differenti mill-kunċett oriġinali tal-Park.

Il-Ministeru kien ikkummisjona l-MEU sabiex iwettqu studju dwar il-Park tal-Familja, f’Marsaskala.

Dan l-istudju eżamina il-proċess tal-iżvilupp tal-Park, identifika problemi u fl-istess ħin joħroġ b’soluzzjonijiet.

Il-proċess eżamina l-applikazzjoni, l-finanzi u d-diżinn u filwaqt li mill-konklużjonjiet jirriżulta li l-proċess sar kif ippjanat ittieħdu deċiżjonijiet li ħallew impatt kemm fuq id-diżinn kif ukoll ħallew sens ta’ urgenza biex is-sit jiġi żviluppat malajr.

Mill-konklużjonijiet jirriżulta wkoll li m’hemmx struttura li timmaniġja l-Park.

Fil-preżent, l-emissjonijiet mill-impjant ta’ Sant’Antnin biswit baqgħu pożittivi, għaldaqstant bħala prekawzjoni addizzjonali u fuq parir tar-Review Team  qed isir monitoraġġ f’ħin reali tal-arja f’Marsaskala.

Għal dan l-iskop qed jintuża apparat speċjali tal-MEPA.