‘It-tħejjija għat-tħaffir u l-bini tal-mina qed javvanza’ – Ian Borg

Read in English.

Il-Ministru għat-trasport u l-infrastruttura Ian Borg qal li l-iżvilupp ta’ konnessjoni permanenti bejn Malta u Għawdex huwa investiment infrastrutturali li l-Gvern qed jagħti priorità biex ikunu eliminati l-isfidi li jesperjenzaw il-familji Għawdxin.

Borg kien mistoqsi mill-Onorevoli Fredrick Azzopardi dwar tlestewx l-istudji ġeoloġiċi u l-investigazzjonijiet ġeofiżiċi fiż-żona tal-fliegu bejn Malta u Għawdex waqt il-ħin allokat għall-mistoqsijiet parlamentari.

Il-Ministru spjega kif l-ippjanar u tħejjijiet għat-tħaffir u l-bini tal-mina bejn Malta u Għawdex qed javvanza b’ritmu mgħaġġel, iżda qal li kollox qed isir b’attenzjoni biex jitwettaq b’mod sostenibbli. Hu spjega kif ix-xogħol jinvolvi studju tekniku minn aspetti differenti. Hu qal li ħafna mill-istudji qed jiġu ffinalizzati fi stadji differenti. Qal ukoll li qed jitħejja wkoll conceptual design tal-mina nfisha.

Il-Ministru Borg qal li fl-ebda stadju mhu lest li jimponi fuq l-esperti biex jgħaġġlu  xogħolhom.

S’issa tlestew u ġew ippublikati dawn l-istudji:

  • A study about the tunnel between Malta and Gozo
  • Geological and Geotechnical Investigation
  • Investigative Coring Report
  • Social Impact Assessment

Tista’ tara aktar dwar l-istudji minn hawn.

Il-Ministru spjega kif dawn l-erba’ studji tlestew u ġew ippubblikati, iżda fadal studji oħra li għadhom għaddejjin. Hu stqarr li bħala parti mit-tħejjija għas-sejħiet għall-offerti internazzjonali meħtieġa biex titħaffer, tinbena u tibda topera l-mina, f’Diċembru li għadda, Infrastructure Malta ppubblikat pre-information notice fit-Tenders Electronic Daily (TED), il-pjattaforma tal-proċessi ta’ akkwisti pubbliċi tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea. Skont Borg, dan se jiġi segwit mill-pass li jmiss fil-proċess tal-għażla, li jinkludi pre-qualification questionnaire li fih se jkollu t-tagħrif tekniku kollu meħtieġ biex kuntratturi prospettivi jikkonfermaw li għandhom il-ħiliet u kapaċità biex iwettqu l-proġett, u b’hekk juru l-interess tagħhom li jikkwalifikaw għall-istadji tal-proċess li jkun imiss.

Borg qal li aktar dettalji speċifiċi dwar dan il-proġett ikunu magħrufa wara li jiġu determinati skont l-istudji tekniċi, ekonomiċi u dawk tal-EIA, u wara li jkunu ħarġu u ġew evalwati s-sejħiet għall-offerti internazzjonali meħtieġa, iżda ma indikax l-ebda data jew kemm fadal biex jitlesta dan kollu.