“It-theddida li jiddeportaw it-tfal tikser id-drittijiet tal-bniedem”

Aġġornat 09:56 PM

"Neħħi d-deċiżjoni" - 9 NGOs

The Sunday Times of Malta

L-Istitut Nazzjonali għat-Tfulija qed jgħid lill-Gvern li t-tkeċċija ta’ 22 tifel u tifla, uħud minnhom ta’ sentejn, tikser il-Konvenzjoni għad-Drittijiet tat-Tfal u d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem.

L-Istitut Nazzjonali huwa parti mill-Fondazzjoni għat-Tisħiħ tas-Soċjetà mwaqqfa mill-President Marie-Louise Coleiro Preca. Il-President Emeritu kienet waħda minn tal-ewwel li ffirmat il-petizzjoni ta’ Newsbook.com.mt biex dawn it-22 tifel u tifla ma jkunux imkeċċija minn Malta.

Disa’ NGOs qed jinkoraġġixxu lill-Gvern Malti biex jerġa’ lura mid-deċiżjoni li jirrevoka l-permessi ta’ residenza.

L-Istitut fi ħdan il-Fondazzjoni tal-President Emeritu Coleiro Preca qal li l-aġenzija tal-istat Malti Identity Malta qed tikser l-artikli 2, 3, 7 u 9 tal-Konvenzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal u Artiklu 16 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Minkejja din id-dikjarazzjoni tal-Istitut fi ħdan il-Fondazzjoni mwaqqfa mill-President Emeritu Coleiro Preca, is-Segretarju Parlamentari Farrugia Portelli, il-Ministru Michael Falzon u l-Ministru Evarist Bartolo għamlu konferenza tal-aħbarijiet biex jgħidu li l-Gvern mhu qed jagħmel xejn ħażin bid-deċiżjoni tiegħu fuq il-każ. Min-naħa tiegħu, l-Istitut Nazzjonali ddeskriva din id-deċiżjoni tal-Gvern “bħala theddida ta’ deportazzjoni.”

Tkeċċux lit-tfal” – Mexxejja Maltin

Barra l-President Emeritu Coleiro Preca, kien hemm diversi mexxejja oħra Maltin li ffirmaw il-petizzjoni ta’ Newsbook.com.mt biex jgħidu li t-tfal m’għandhomx jitkeċċew minn Malta. Fosthom hemm l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, il-Kap tal-PN Adrian Delia u l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia.

Kien hemm ukoll il-Membri Parlamentari Karol Aquilina, Mario Galea, Ryan Callus u Therese Comodini Cachia, il-preżentatur tal-programm Pjazza Karl Stagno Navarra, il-kandidati għal MEPs Arnold Cassola u Cyrus Engerer, id-Dekan għall-Fakultà tal-Edukazzjoni Colin Calleja, id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà Andrew Azzopardi u s-CEO tar-Richmond Foundation Stephania Dimech Sant.

Kien hemm ukoll diversi akkademiċi, psikjatri, ħaddiema soċjali u nies minn kull qasam tal-ħajja.

“Erġa’ lura mid-deċiżjoni” – NGOs lill-Gvern

L-għaqdiet mhux governattivi qalu li jemmnu li t-tfal huma tfal, ġejjin minn fejn ġejjin. Insistew li Malta hija firmatarja tal-Konvenzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal tan-Nazzjonijiet Magħquda, u għalhekk, hija obbligata tieħu d-deċiżjonjiet skont ma jkun l-aktar ta’ ġid għat-tfal.

Huma insistew li jekk dawn it-tfal jintbagħtu lura f’pajjiżhom, dan ċertament ma jkunx għall-ġid tagħhom, peress li dawn jinfirdu minn dak kollu li draw: minn djarhom, mill-familji tagħhom u minn ħbiebhom. Skont l-għaqdiet, din id-deċiżjoni tal-Gvern timponi stress krudili u mhux ġustifikat fuq il-ġenituri u l-gwardjani tat-tfal.

L-NGOs firmatarji huma aditus Foundation, JRS Malta, Kopin, l-Assoċjazzjoni tal-Ġenituri tal-Istudenti fl-Iskejjel tal-Istat (MAPSSS), Right 2 Smile, SOS Malta, SPARK15 u The Critical Institute.