Il-Gvern b’attakk bla preċedent kontra l-ġudikatura – Kap PN

Aġġornat 03:13 PM
Sarah Cassar Dymond

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, f’post fuq Facebook kellu kliem iebes ħafna kontra dak li iddeskrivih bħala “attakk bla preċedent kontra l-ġudikatura mill-Gvern.”

Huwa kien qed jikkummenta dwar l-istqarrija tal-Gvern b’reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Bord tal-Inkjesta Pubblika fuq l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia li jkompli bl-inkjesta anke f’Jannar.

Kliem iebes ta’ kritika lill-Gvern sar ukoll mill-partit ADPD u miċ-chairman tal-Kunsill Nazzjonali tal-Gvern, Mark Camilleri li kien maħtur mill-istess Gvern.

Il-Gvern fi stqarrija it-Tlieta filgħaxija qal li l-Bord tal-inkjesta pubblika jrid jerfa’ r-responsabbiltà għall-fatt li ddeċieda minn jeddu li jestendi l-inkjesta. It-Tnejn, il-Bord skeda seduta oħra fid-29 ta’ Jannar tal-2021, li fiha għandhom jiġu preżentati l-aħħar dokumenti u sottomissjonijiet. Din l-inkjesta oriġinarjament kellha tintemm f’Settembru, iżda fuq talba tal-Bord, il-Prim Ministru Robert Abela aċċetta li jestendiha sal-15 ta’ Diċembru. Hu, iżda, irrifjuta li jħalli l-inkjesta ddum aktar minn hekk.


Abela qed jiġġieled kontra l-inkjesta pubblika bħal Muscat – Grech


Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li Joseph Muscat kien iġġieled b’ruħu u b’ġismu biex ma ssirx inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ ġurnalista. Qal li llum il-pubbliku jaf għalfejn: “għax qed joħorġu fatti li jgiddbuh”.

Grech sostna li issa, Robert Abela qed jagħmel l-istess, biex jassigura li tieqaf ħesrem din l-inkjesta. Irrimarka li r-reazzjoni tal-Gvern tal-bieraħ kienet “attakk bla preċedent mill-Gvern kontra l-Ġudikatura Maltija”. Kompla jgħid li din mhux biss hija attitudni skorretta iżda perikoluża. “Min ma togħġbux il-verità jagħmel minn kollox biex iwaqqafha milli toħroġ,” temm jgħid Grech.

L-attakk tal-PM fuq l-Imħalfin juri stat ta’ paniku – ADPD


L-ADPD sostna li t-theddid tal-Prim Ministru lill-Imħallfin li qed imexxu l-inkjesta pubblika indipendenti fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia “jikxef l-istat ta’ paniku li jinsab fih il-gvern.”

L-ADPD qal li l-‘konsegwenzi’ li qed jhedded bihom il-gvern juru li mhux vera li l-pajjiż qed jgħix in-normalità li qed jiftaħar biha Abela. Sostna li t-termini ta’ referenza ċari tal-inkjesta jgħidu li din għandha tinvestiga r-responsabilità potenzjali tal-istat, tal-fergħat tiegħu u b’mod aktar speċifiku tal-uffiċċjali tal-istat fl-assassinju tal-ġurnalista.

“Dan il-bord issa qed jiġi attakkat pubblikament mill-istess stat li qiegħed taħt inkjesta,” kompla l-partit.


“Il-Bord irid jerfa’ r-responsabbiltà talli ddeċieda li jestendi l-inkjesta” – Il-Gvern

Qal li “l-istat mafjuż qed juri snienu permezz tal-intimidazzjoni tal-membri tal-bord ta’ inkjesta.” Il-partit qal li huwa ċar li “għandna gvern pupazz u prim ministru pupazz li huma kkontrollati mill-interessi tal-istess stat mafjuż.” Il-Partit kompla billi stieden lill-gvern biex jiftakar dak li kien qal fi stqarrija 13-il xahar ilu u biex jimxi mal-istess termini ta’ referenza tal-inkjesta pubblika fl-impenn tagħha fit-tfittxija għall-ġustizzja u l-verità. Tenna li l-gvern u Robert Abela għandom jonoraw id-dikjarazzjonijiet tagħhom stess li l-bord ta’ inkjesta pubblika huwa indipendenti u li l-qafas ta’ żmien tal-inkjesta huwa mingħajr preġudizzju għat-twettiq xieraq tat-termini ta’ referenza tal-bord.

“Min jibża’ mill-inkjesti pubbliċi u l-verità għax ikollu x’jaħbi” – Mark Camilleri

Mark Camilleri, il-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, qal li min jibża’ mill-inkjesti pubbliċi u mill-verita huwa biss għax ikollu ħafna x’jaħbi. Permezz ta’ post fuq Facebook hu sostna li l-inkjesta pubblika mhix hemm biex taqdi l-interessi politiċi ta’ dak u tal-ieħor. Qal li jinsab kuntent ħafna li grazzi għall-inkjesta pubblika sirna nafu ħafna iktar veritajiet ġodda. “Jien nappoġġja bi sħiħ l-imħallfin biex ikomplu jagħmlu xogħolhom għal ġieħ il-verita,” qal Camilleri.

Intant, Camilleri tefa’ ritratti fuq Facebook ta’ konverżazzjoni li kellu ma’ avukata ta’ Yorgen Fenech.