Aġġornata: “Xokkanti li l-Air Malta qed tkompli tigdeb” – ALPA

Arkivji

L-Air Malta qalet li l-kwistjoni tal-bdoti tal-Air Malta u t-tilwima industrijali mibdija mill-ALPA mhix ġejja minn allegat theddid minn uffiċjal tal-kumpanija lill-bdoti. Skont l-Air Malta, din hija biss skuża li qed tuża l-Unjin tal-Bdoti (ALPA) wara li ntebħet kemm huma inaċċettabbli d-domandi tagħha għal garanziji mill-Gvern għall-bdoti. Min-naħa tagħha, l-ALPA qalet li hu xokkanti li l-Air Malta qed tieħu miżuri bħal dawn biex tinfluwenza l-opinjoni pubblika u tpinġi stampa mċajpra tar-realtà tas-sitwazzjoni.

Aqra: Theddid u intimidazzjoni wasslu għall-azzjoni mill-ALPA

Dan wara li lbieraħ beda jinstema’ l-każ fil-qorti dwar talba għal mandat ta’ inbizzjoni li għamlet l-Air Malta minħabba li l-ALPA kienet bdiet b’tilwima industrijali li minħabba fiha, titjiriet tal-Air Malta telqu sa 30 minuta tard mill-ajruport. Fil-qorti nstema’ li fit-18 Ġunju l-ALPA infurmat lill-Air Malta li jekk ma jirriżenjax Emvic Debono li huwa ċ-Chief Flight Operations Officer tal-Air Malta, dawn kienu se jipproċedu b’tilwima industrijali. Dan ħareġ mix-xhieda tal-Viċi President tal-ALPA Matthew Degiorgio.

Aqra: Aġġornata (3): Filmat: L-Air Malta għawġet il-fatti biex tgħatti n-nuqqasijiet – ALPA

Stqarrija tal-linja tal-ajru tgħid li l-kumpanija rċeviet diversi messaġġi mingħand uffiċjal tal-ALPA li jinsisti li l-Gvern jaqbel li jiggarantixxi €700,000 lill-bdoti kollha impjegati mill-Air Malta meta dawn jirtiraw jew jekk il-kumpanija tfalli. L-Air Malta insistiet li din hi l-kwistjoni vera tal-ALPA, u l-bqija hu biss skuża.

Fi stqarrija ppubblikata b’reazzjoni għall-istqarrija maħruġa mill-Air Malta, l-ALPA qalet li hija maħsuda b’dawn l-allegazzjonijiet tal-Air Malta. L-ALPA qalet li hu ċar li dawn l-allegazzjonijiet ma saru bl-ebda tip ta’ evidenza li ġiet mogħtija għall-konsiderazzjoni tal-Qorti. Dawn l-allegazzjonijiet jirrappreżentaw tentattiv ieħor biex jimminaw il-ħidma tal-Unjin, qalet l-Unjin stess.

Żiedet tgħid li hu tal-mistħija li l-maniġment għoli tal-Air Malta jipprova jiggrava l-kwistjoni u joħloq iżjed inċertezza fi żmien meta suppost qed jara kif se jirranġa l-affarijiet.