Aġġornata: It-tħassir tal-kuntratt tal-fast ferry juri l-inkompetenza tal-Gozo Channel – PN

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista qal li t-tħassir tal-kuntratt tal-fast ferry bejn Malta u Għawdex juri l-inkompetenza tat-tmexxija tal-Gozo Channel.

Fi stqarrija ffirmata minn Chris Said, Frederick Azzopardi, Marthese Portelli, u Kevin Cutajar, il-PN qal li “l-aħbar li dan il-proċess tal-għażla ġie annullat mill-Public Contracts Review Board minħabba numru ta’ irregolaritajiet, mhi xejn ħlief turija ta’ kemm it-tmexxija tal-Gozo Channel aġixxiet b’inkompetenza u diżrispett kbir lejn l-pubbliku u partikolarment lejn l-Għawdxin, li qed jistennew l-introduzzjoni tal-fast ferry malajr kemm jista’ jkun.”

F’reazzjoni, il-Gvern qal li għad hemm proċeduri l-Qorti u qabel ma jispiċċaw ma jistax jimxi l-proċess tal-fast ferry.

Il-PN jinsab dispjaċut bil-mod “xejn feliċi” dwar kif il-kumpanija Gozo Channel mexxiet il-proċess tal-għażla tal-operatur tal-fast ferry bejn Malta u Għawdex.

Il-Bord tal-Analiżi tal-Kuntratti Pubbliċi ħassar kuntratt mogħti mill-Gozo Channel lil Island Ferry Network għal servizz ta’ fast ferry bejn Malta u Għawdex, wara li ġie ddikjarat “ineffettiv”.

Il-Bord tal-Kuntratti Pubbliċi jħassar kuntratt għal fast ferry bejn Malta u Għawdex

Il-PN qal li kien jistenna li jkun hemm proċess tal-għażla ferm aktar serju, bi kriterji preċiżi u fejn l-operatur li jintgħażel ikun jissodisfa tali kriterji.

Fakkar li l-fast ferry kienet wegħda tal-Partit Laburista sa mill-elezzjoni tal-2013, “iżda minkejja li dan ilu sitt snin fil-Gvern, din il-wegħda baqgħet ma twettqitx.”

Id-deputati tal-Oppożizzjoni qed jaġixxu b’mod irresponsabbli – Ministeru għal Għawdex

B’reazzjoni għal dak li qal il-PN, il-Ministeru għal Għawdex qal li għad hemm proċeduri l-Qorti u qabel ma jispiċċaw ma jistax jimxi l-proċess tal-fast ferry. Il-Ministeru qal li “d-deputati Għawdxin tal-Oppożizzjoni qed jaġixxu b’mod irresponsabbli meta bl-argumenti tagħhom qed jattakkaw kumpanija li dejjem serviet lil Għawdex u lill-Għawdxin, u li allura trid tkun fl-aħjar pożizzjoni biex tikkompeti għas-sejħa tat-tender biex jiġi żgurat il-futur tal-kumpanija”.

Skont il-Ministeru, il-kuntratt li sar bejn il-Gozo Channel u l-Gvern Nazzjonalista tal-2011 ma ndirizzax il-bżonnijiet tal-Għawdxin.