Aġġornata: Iċ-Ċina tinvestiga ritratti li juru debris fl-Oċean Indjan

Iċ-Ċina qed tinvestiga ritratti ġodda mis-satellita li juru debris fl-Oċean Indjan li jista’ jagħti l-każ li huma tat-titjira MH 370.
Il-Ministru tat-Trasport fil-Malaysia qal din l-aħbar meta żied jgħid lid-debris li jidher fih tul ta’ 22.5 metra u wiesgħa 13-il metru.
Intqal li Beijing mistennija tħabbar aktar dettalji fi ftit sigħat.
 
Aktar kmieni:
It-tfittxija għall-ajruplan tal-Malaysia Airlines li għeb issa daħlet fit-tielet ġimgħa tagħha.
L-operazzjonijiet ta’ tfittix bħalissa għaddejin fl-Oċean Indjan.
Fl-aħħar jiem instabu xi fdalijiet madwar 2,500 kilometru ‘l bogħod minn Perth fl-Awstralja iżda għad irid jiġi aċċertat jekk dawn humiex tal-ajruplan tal-Malaysian Airlines.
L-ajruplan tilef kull kuntatt ma’ l-art madwar siegħa wara li kien fl-ajru fit-8 ta’ Marzu li għadda.
L-operazzjoni ta’ salvataġġ qed titmexxa mill-awtoritajiet marittimi tal-Awstralja. Iktar bastimenti ta’ salvataġġ mill-Ġappun, Ċina u r-Renju Unit mistennija jingħaqdu f’din it-tfittxija.