Filmat: It-tfal tal-Ursolini jerġgħu jgħannqu l-kelba Minnie

Wara 12-il ġurnata jistennew li xi ħadd jgħidilhom li sabilhom il-kelba, it-tfal li jgħixu fid-Dar Santa Rita f’Ħal Tarxien, reġgħu għannqu magħhom lil Minnie.
Newsbook.com.mt kien fid-dar tas-Sorijiet Ursolini f’Wied il-Għajn, fil-mument li fih il-Madre tal-kunvent, Sor Rosalia, waslet bil-kelba li nstabet ilbieraħ.
Malli l-vann tas-soru dar il-kantuniera, it-tfal ħarġu jiġru fit-triq jkantaw u jgħajtu “Minnie! Minnie!”. Il-kelba mill-ewwel ferħet bit-tfal u nfexxet tbushom wieħed wieħed.
Ma’ Newsbook.com.mt, Madre Rosalia qalet li minn meta ntilfet il-kelba, it-tfal sewdu qalbhom u wħud minnhom lanqas riedu jieklu sakemm tinstab il-kelba.
Żiedet li kuljum kien iċempel xi ħadd jgħidilhom li raw xi kelba fl-inħawi tal-kunvent u malajr is-sorijiet u dawk li jgħinuhom kienu jmorru jfittxuha.
Sor Rosalia spjegat li lbieraħ daħlilhom rapport li l-kelba kienet f’dar privata. Malajr marret tfittex il-post u malli l-kelba lemħitha, bdiet tifraħ biha u titla’ magħha.
Spjegat li għalkemm għand min kienet beda jgħidilhom li l-kelba kienet tiegħu, bil-kelma t-tajba kkonvinċietu biex jagħtihielhom lura.
Is-Soru qalet li l-kelba kienet bil-ġuħ u maħmuġa, iżda fortunatament il-veterinarju sab li saħħitha kienet tajba.
Waqt li t-tfal kienu qed jilgħabu mal-kelba, is-sorijiet qalu li jinsabu kuntenti kemm għall-kelba u wisq aktar għat-tfal li reġgħu sabu l-akbar ħabiba tagħhom.  
Filmat: Reel8 Productions Ltd