It-tfal tal-primarja bl-istess livell ta’ għarfien fil-Malti u l-Ingliż

It-tfal tal-primarja li għamlu l-benchmarks fl-iskejjel għandhom kważi l-istess livell ta’ għarfien tal-ilsien Malti u dak Ingliż. Dan joħroġ minn statistika tal-Ministeru tal-Edukazzjoni fejn il-marka medja nazzjonali fil-Malti kienet ta’ 69% filwaqt li dik tal-Ingliż 70%.

L-istudenti Maltin marru aħjar fil-matematika milli fil-lingwi, hekk kif il-medja nazzjonali tal-matematika kienet ta’ 75%.

B’kollox kien hemm 3,484 student li qagħdu għal dawn il-benchmarks li saru bejn l-aħħar ta’ Mejju u l-bidu ta’ Ġunju. Dawn saru fi 62 skola Primarja tal-Istat, 20 skola Primarja tal-Knisja u 4 skejjel Primarji Indipendenti.

B’kollox kien hemm 1786 tifel u 1698 tifla li poġġew għal dawn il-benchmarks, u kienu assessjati fil-Malti, fl-Ingliż u fil-Matematika.

Kull karta tal-Benchmark ġiet ikkoreġuta minn żewġ eżaminaturi li ma jiktbu xejn fuq il-karta, sabiex biex ma jinfluwenzawx lil xulxin fil-marka finali. B’kollox kien hemm 110 eżaminatur li kkorreġew il-karti kollha.

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni qal li l-karti flimkien mal-iskemi tal-marki tal-Benchmark 2018 se jkunu jistgħu jitniżżlu mis-sit elettroniku http://www.curriculum.gov.mt taħt it-taqsima Benchmark – Year 6.

Il-Ministeru fakkar ukoll li mis-sena skolastika li jmiss, se jsir tibdil fl-assessjar tal-istudenti fil-Primarja u fl-ewwel snin tas-Sekondarja hekk kif l-eżamijiet ta’ nofs is-sena se jinbidlu f’assessjar kontinwu.