It-Tfal ta’ Fatima jistgħu jiġu dikjarati qaddisin f’Mejju

Il-Vatikan ħabbar li l-Papa Franġisku se jlaqqa’ Konċistorju biex japprova l-kanonizazzjoni tat-tliet viżjonarji ta’ Fatima – Franġisku u Jacinta Morto. Il-Konċistorju se jiltaqa’ fl-20 ta’ dan ix-xahar u jekk  ikun hemm l-approvazzjoni tal-Kardinali tkun iffissata d-data għall-kanoniżazzjoni.
Ix-xahar li għadda l-Papa approva l-mirakli attribwiti għall-interċessjoni ta’ dawn iż-żewġ rgħajja li raw il-Madonna f’Fatima fl-1917 u b’hekk fetaħ it-triq biex huma jkunu mgħollija għall-glorja tal-altari. Il-Papa iffirma d-digriet f’laqgħa li kellu mal-Prefett tal-Kongregazzjoni għall-Kawża tal-Qaddisin, il-Kardinal Angelo Amato.
Ħafna qed jittamaw li l-Papa jista’ jippresiedi għal din il-kanoniżazzjoni waqt żjara li mistenni jagħmel f’Fatima fit-12 u t-13 ta’ Mejju, biex ifakkar il-100 anniversarju ta’ dawn id-dehriet Marjani meta Franġisku li kien għad kellu 9 snin u oħtu Jacinta ta’ 7 snin, flimkien mal-kuġina tagħhom Lucia dos Santos, qalu li raw il-Madonna u dawn id-dehriet komplew isiru darba kull xahar sat-13 ta’ Ottubru 1917.  Id-dehriet kienu aċċettati mill-Knisja Kattolika.
Sena wara dawn id-dehriet, iż-żewġt aħwa kienu mardu f’epidemija tal-influwenza li ħakmet l-Ewropa. Franġisku miet fl-4 ta’ April 1919 meta kellu 10 snin u oħtu Jacinta mietet fl-20 ta’ Frar 1920 fl-eta’ ta’ 9 snin.
Il-kawża għall-beatifikazzjoni tagħhom kienet twaqqfet għal numru ta’ snin sforz dibattitu li qam fil-Knisja dwar jekk tfal li ma mietux martri kienux kapaċi jifhmu l-virtujiet erojiċi f’eta’ hekk żgħira. Iżda fl-1979, il-Papa Ġwanni Pawlu II ordna li l-kawża titkompla u ddikjarahom Venerabbli fl-1989 u Beati fl-2000.
Kuġinthom Lucija daħlet f’istitut tas-Sorijiet Dorotej u aktar tard ingħatat permess tidħol fil-Kunvent Karmelitan ta’ Santa Tere’a f’Coimbra fejn għexet sa ma mietet fl-2005 fl-eta’ ta’ 97 sena. Wara mewtha, il-Papa Benedittu XVI kien neħħa l-perjodu ta’ ħames snin qabel il-kawża għall-beatifikazzjoni tagħha setgħet tinfetaħ.
Ix-xahar li għadda, l-Isqof ta’ Coimbra, Virgilio Antunes għalaq il-fażi lokali tal-investigazzjoni dwar il-ħajja u l-qdusija tagħha u għadda l-konklużjonijiet tiegħu lill-Vatikan.