It-tfal qawwa siekta u reżiljenti qalb il-pandemija – Il-President

Aġġornat 03:13 PM
Children-at-home

Il-President George Vella sostna li minkejja li qed jaffaċċjaw emerġenza tas-saħħa u soċjali kkawżata minn pandemija globali, it-tfal fl-2020 qed jagħtu prova li huma qawwa siekta, iżda reżiljenti, li adattat relattivament malajr għall-bidliet kostanti u għal realtà ġdida.

Hu qal dan permezz ta’ post fuq Facebook dalgħodu fil-jum meta l-komunità internazzjonali tiċċelebra l-Jum Dinji tat-Tfal. Il-President sostna li f’dan il-jum, il-komunità internazzjonali tikkonferma l-impenn tagħha li tosserva l-prinċipji li jinsabu fid-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Maqgħquda u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Hu sostna li dawn il-prinċipji huma relevanti fid-dawl tal-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem imġarrab mit-tfal f’pajjiżi milquta mill-gwerer u f’soċjetajiet foqra.

“Nemmen li l-ilħna tat-tfal għandhom jingħataw aktar importanza u attenzjoni, b’mod speċjali fejn jidħlu kwistjonijiet relatati mal-ambjent, l-edukazzjoni, il-ġustizzja soċjali u l-parteċipazzjoni ċivika,” temm jgħid il-president.

🔹 Minkejja li qegħdin jaffaċċjaw emerġenza tas-saħħa u soċjali mingħajr preċedent, ikkawżata minn pandemija globali,…

Posted by George Vella on Thursday, November 19, 2020

Dan il-jum internazzjonali kien stabbilit għall-ewwel darba fl-1954 bħala l-Jum Universali għat-Tfal. Hu jiġi ċċelebrat fl-20 ta’ Novembru kull sena biex jippromwovi għaqda internazzjonali, tqajjim ta’ kuxjenza dwar it-tfal madwar id-dinja u jara li jsir it-tisħiħ fuq il-benessri tat-tfal.

L-20 ta’ Novembru hija data importanti għax lura fl-1959, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda adottat id-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Fl-1989 imbagħad, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda adottat il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal. B’hekk, mill-1990 ‘l hawn, dan il-jum ifakkar ukoll dawn iż-żewġ adozzjonijiet.

Skont in-Nazzjonijiet Magħquda, dan il-jum għandu jservi bħala ispirazzjoni għal persuni minn kull settur biex ikunu vuċi li tippromwovi u tiċċelebra d-drittijiet tat-tfal. Tħeġġeġ sabiex internazzjonalment dan il-jum ifakkar fid-djalogu bżonnjuż u azzjonijiet neċessarji biex id-dinja tkun post dejjem aħjar għat-tfal. Sostniet kif il-pandemija tal-coronavirus irriżultat fi kriżi għad-drittijiet tat-tfal. “Il-prezz li qed iħallsu t-tfal minħabba l-pandemija, jekk mhux se jkun indirizzat b’mod immedjat, l-impatt tiegħu se jibqa’ magħhom tul ħajjithom kollha,” insistiet il-UN.

Ħafna minn din il-ħidma f’Malta ssir mill-Kummissjoni għat-Tfal li nbdiet skont ma jgħid l-Att dwar il-Kummissarju għat-Tfal tal-2003. Il-Kummissjoni f’Malta taħdem biex tippromwovi l-benessri tat-tfal u tara li l-Konvenzjoniji tan-Nazzjonijiet Magħquda, li kienet ratifikata minn Malta fis-26 ta’ Jannar tal-1990, tkun rispettata.

Ix-xogħol tal-Kummissjoni jiffoka fuq il-protezzjoni tat-tfal, il-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal, tara li s-servizzi neċessarji għat-tfal qed ikunu offruti u tassigura l-parteċipazzjoni tat-tfal. L-uffiċċju jħares lejn is-sitwazzjoni soċjali u kulturali fejn jidħlu t-tfal biex ikun jista’ jikkontribwixxi b’mod sostanzjali fil-koordinament tal-bżonnijiet tas-setturi kollha biex il-policies tagħhom ikunu jinkludu fihom lit-tfal. Mill-2016 ‘l hawn, il-Kummissjoni qed titmexxa minn Pauline Miceli.

Il-UNICEF bi pjan ta’ sitt punti għall-protezzjoni tat-tfal

Il-UNICEF (United Nations Children’s Fund) u l-imsieħba tagħha ħejjew pjan b’sitt punti għal dan il-jum biex il-gvernijiet madwar id-dinja jipproteġu lit-tfal. Il-punti huma dawn:

  • Assiguraw li t-tfal kollha għandhom il-possibilità li jitgħallmu, speċjalment billi titnaqqas il-firda li toħloq id-dinja diġitali.
  • Aċċess garantit għal servizzi ta’ saħħa u nitrizzjoni. Il-vaċċini għandhom ikunu affordabbli u disponibbli mit-tfal kollha.
  • Sapport u protezzjoni għas-saħħa mentali tat-tfal u żgħażagħ billi jinqerdu l-abbuż, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u n-negliġenza tat-tfal.
  • Żieda fl-aċċess għal ilma nadif, sanità u iġjene u jkunu inrdirizzati d-degradazzjoni tal-ambjent u t-tibdil fil-klima.
  • Issir ħidma biex tonqos iż-żieda fl-għadd ta’ tfal fil-faqar u jkun hemm rikoverar inklussiv għal kulħadd.
  • Żieda fil-ħidma biex it-tfal u l-familji tagħhom ikunu protetti u ssapportjati met qed jgħixu f’żoni ta’ kunflitt, diżastri jew spostament.

“It-tfal jistħoqqilhom ħajja aħjar” – PN

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija fakkar fit-tfal f’Malta u madwar id-dinja li jistħoqqilhom ħajja aħjar u aktar dinjituża, fit-tfal li jixtiequ familja, fit-tfal li jgħixu fil-faqar, u t-tfal li jisfaw vittmi ta’ sitwazzjonijiet xejn xierqa. 

Kompla jgħid li jemmen b’konvinzjoni li t-tfal tassew jistgħu jaqdu rwol ewlieni fis-soċjetà tal-lum jekk l-adulti jagħtuhom l-ispazju. Jemmen ukoll li l-politika hi għodda utli li tista’ tagħmel differenza f’ħajjet kull wieħed u waħda minnhom. U jemmen li t-tfal tal-lum, b’mod partikolari b’edukazzjoni u taħriġ ta’ livell għoli u b’enfasi fuq il-litteriżmu, l-ħiliet u l-innovazzjoni u kapaċi jtejbu d-dinja t’għada.

L-istqarrija kienet iffirmata mill-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Familja David Agius u l-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli.