It-tfal mistiedna jkabbru siġra d-dar

Kull tifel u tifla qed ikunu mistiedna biex imorru fil-kunsil lokali tagħhom u jiġbru ktieb u siġra żgħira biex jeħduha magħhom id-dar u jieħdu ħsiebha.
Din l-inizjattiva hija parti minn kampanja tasSegretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali, “Sejħet is-Siġar,” li matulha qed titqajjem kuxjenza dwar l-importanza tas-siġar f’pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis, qal li l-edukazzjoni tibda miċ-ċokon, u għalhekk qed issir din il-kampanja mmirata għat-tfal biex b’hekk titrawwem ġenerazzjoni li tikkonserva l-ambjent tal-madwar.
It-tfal se jkunu mgħallma kemm is-siġar  jikkontribwixxu għall-ambjent, billi jipprovdu l-ossiġnu, jtejbu l-kwalità tal-arja, jtejbu u jsebbħu l-ambjent, jikkonservaw l-ilma u jippreservaw il-ħamrija.
Il-proġett qiegħed isir b’kollaborazzjoni mal-kumpanija privata Norex Malta Ltd u l-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar.
Il-ktejjeb li qed jitqassam huwa xogħol l-awtur Trevor Zahra.