It-tfal mhux se jitħallew jagħtu daqqiet tar-ras lill-ballun

Tfal taħt it-12-il sena ma jistgħux aktar jagħtu daqqiet tar-ras lill-ballun waqt it-taħriġ tal-futbol. Din ir-regola ddaħħlet b’mod immedjat fl-Ingilterra, fl-Irlanda ta’ Fuq u fl-Iskozja.

It-tliet assoċjazzjonijiet tal-futbol ippubblikaw stqarrija fejn ikkonfermaw li saret din it-tibdila fir-regolazzjoni.

Dan ġara wara li saret aktar pressjoni fuq il-korp tat-tmexxija tal-futbol Ingliż biex jirrikonoxxi riċerka li tassoċja trawma moderata fil-moħħ – bħal dik li tiġi kkawżata minn daqqiet tar-ras lill-ballun – ma’ riskju ogħla li wieħed ibagħti mid-dimensia aktar ‘il quddiem.

Il-plejers mhux se jitħallew jagħtu daqqiet bir-ras meta jkunu għadhom taħt it-12-il sena iżda umbagħad se jkunu introdotti għal dan waqt it-taħriġ minn 12-il sena ‘l fuq. Jidher iżda xejn mhu se jinbidel għal waqt il-logħob. Iġifieri t-tfal se jkunu jistgħu jagħtu daqqiet bir-ras waqt il-logħob minħabba li din l-eventwalita ma sseħħx b’mod frekwenti.