It-tfal Maltin taħt il-5 snin fost l-aktar b’saħħithom fl-Ewropa – Eurostat

Statistika mill-Unjoni Ewropea turi li 99% tat-tfal Maltin taħt l-età tal-5 snin huma b’saħħithom, saħansitra għandhom saħħa eċċellenti. F’din l-istatistika li saret fl-2017, Malta kklassifikat minn ta’ quddiem flimkien mal-Bulgarija, ir-Rumanija, l-Italja u l-Estonja.

Madankollu, Malta ma kklassifikatx mal-ogħla 5 pajjiżi fil-każ tas-saħħa tat-tfal li għandhom bejn 5 u 9 snin u bejn 10 snin u 15-il sena. It-tfal ta’ bejn il-5 u d-9 snin huma l-aktar b’saħħithom fir-Rumanija, f’Ċipru, l-Italja u l-Greċja. Dawk ta’ bejn l-10 snin u l-15-il sena huma l-aktar b’saħħithom fir-Rumanija, fl-Italja, u fil-Bulgarija. Għalhekk, jidher li r-Rumanija u l-Italja huma ż-żewġ pajjiżi bl-iżjed tfal b’saħħithom fl-Unjoni Ewropea.

F’Malta, 0.7% tat-tfal li għandhom inqas minn 7 snin jaffaċċjaw limitazzjonijiet fl-attivitajiet li jistgħu jagħmlu minħabba raġunijiet ta’ saħħa.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li dan ir-riżultat pożittiv ġej minn diversi fatturi, fosthom is-servizzi mediċi offruti u l-għożża li bihom jitrabbew it-tfal Maltin u Għawdxin. Żied jgħid li fl-2018, Mater Dei ra iżjed minn 13,000 viżta pedjatrika u ftit inqas minn 7,800 tifel u tifla ngħataw kura fis-swali tal-pedjatrija. Il-Ministru, li bħala tabib kien jispeċjalizza fil-pedjatrija, insista fuq l-importanzza li t-tfal jitlaqqmu meta jitwieldu u jibqgħu jieħdu t-tilqim meħtieġ tul ħajjithom. Semma t-tilqim għall-ħosba li jingħata b’xejn u qal li ‘l quddiem għad jingħata t-tilqim kontra l-meninġite b’xejn ukoll.

Dan qalu meta inawgura l-attività My Baby & Me, li tikkonsisti f’konferenza u fiera, u li tittratta żmien it-tqala, it-trabi, u t-tfal żgħar. L-attività se tibqa’ għaddejja sal-Ħadd li ġej fl-MFCC f’Ta’ Qali.