“It-tfal magħluqa ġewwa bħat-tiġieġ, fuq il-kompjuter”

Il-Kummissjarju tat-Tfal fir-Renju Unit qed twissi li fis-sajf it-tfal qed jinżammu ġewwa bħat-tiġieġ, imwaħħlin mal-kompjuters jew il-mowbajls. Anne Longfield wissiet li s-siegħat li t-tfal iqattgħu bilqiegħda qed jitfgħu lura s-saħħa mentali u fiżika tat-tfal u jwasslu għall-vjolenza.

Filwaqt li emfasizzat l-importanza tal-logħob attiv, il-Kummissarju tat-Tfal irrakomandat skemi ta’ logħob li jgħaqqdu t-tfal flimkien u bandli f’postijiet differenti biex it-tfal jitħajjru joħorġu barra. Qalet li filwaqt li l-btajjel huma importanti għat-tfal biex jistrieħu mit-tagħlim fil-klassi, importanti li jibqgħu attivi u ma jinqatgħux minn tfal oħra.

Spjegat li l-flus li l-Gvern qed jiġbor mit-taxxa fuq iz-zokkor u li bħalissa qed jintużaw fuq il-breakfast clubs fl-iskejjel u fl-isports, għandhom jintużaw ukoll għal attivitajiet barra l-ħin tal-iskola. Ikkwotat studji li juru li t-tfal qed ikunu inqas f’saħħithom meta jerġgħu lura l-iskola wara l-waqfa tas-sajf.

Il-Kummissjaru tat-tfal Ingliża qalet li se tippublika studju dwar il-logħob tat-tfal il-ġimgħa d-dieħla. Kelliem għall-Gvern elenka l-impenn li t-tfal ikollhom opportunitajiet ċari ta’ attività fiżika biex l-obeżità fit-tfal titnaqqas bin-nofs sal-2030.

L-għan hu li t-tfal jiġu mħeġġa’ jagħmlu iktar eżerċizzju u jnaqqsu mill-konsum ta’ ikel biz-zokkor u ħafna xaħam. Fir-Renju Unit se jsir investiment ta’ madwar €300 miljun fl-iskejjel u l-kulleġġi biex jippromwovu l-ħarsien tas-saħħa fiżika u mentali fost it-tfal.