“It-tfal ma jixirqilhomx li jkunu f’Monte Carmeli” – Ministru Coleiro Preca

Il-Ministru għas-Sigurta’ Soċjali u l-Familja Marie Louise Coleiro Preca kkonfermat li ftit taż-żmien ilu twaqqaf unit magħmul minn speċjalisti fis-settur tat-tfal bi problemi emozzjonali u ta’ imġieba biex dawn it-tfal ma jibqgħux jinżammu f’Monte Carmeli.

Wara l-istqarrija tal-MUMN, li kkonfermat kif hemm tfal li qed jinżammu fi swali ma’ adulti fl-isptar Monte Carmeli, il-Ministru Coleiro Preca qalet li t-tfal ma jixirqilhom li jkunu f’dan l-isptar u mhux l-aħjar post fejn inqegħdu lit-tfal.

Fit-tweġiba għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, il-Ministru Coleiro Preca qalet li b’mod immedjat l-allegazzjonijiet li saru mill-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel qed jiġu investigati.

Dan biex jittieħdu l-passi li hemm bżonn.

Il-Ministru kkonfermat li fil-preżent m’hawnx post speċjalizzat għat-tfal bi problemi ta’ imġieba u każi emozzjonali u soċjali.

Ma’ Newsbook.com.mt, il-Ministru Louise Coleiro Preca qalet li tliet Ministeri dawk tal-Familja, l-Edukazzjoni u tas-Saħħa daħlu f’diskussjonijiet biex tiġi mfassla l-aħjar triq ‘il quddiem.