“It-tfal ma jaħtux” – Di Maio; “Kienu iktar qrib l-Italja” – il-Gvern

REUTERS/Darrin Zammit Lupi

Il-Gvern Malti rreaġixxa għall-kummenti li saru mid-Deputat Prim Ministru Taljan Luigi Di Maio. Di Maio fuq post fuq Facebook saħaq li tfal li jinsabu fuq il-bastimenti tal-għaqdiet mhux governattiva tat-tfittxija u salvataġġ ma jaħtux u għandhom jitniżżlu fuq l-art. Filwaqt li l-Gvern Malti wieġeb li l-operazzjonijiet tas-salvataġġ saru iktar qrib tal-Italja milli ta’ Malta. Il-Gvern saħaq li d-Deputat Prim Ministru Di Maio għandu jiċċekkja l-fatti sew qabel ma jagħmel ċertu stqarrijiet. Skont Di Maio l-Italja qed tintalab tieħu responsabbilità minkejja li żewġ bastimenti jinsabu fl-ibħra territorjali Maltin u mil il-bogħod mill-kosta.

Fl-istqarrija l-Gvern qal  li l-operazzjoni mis-SeaWatch saret f’ibħra ‘l barra miż-żona tat-tfittxija u salvataġġ ta’ Malta. Il-Gvern kompla jgħid li l-operazzjoni tas-salvataġġ saret iktar qrib tal-Italja milli ta’ Malta u li minkejja li l-għaqda mhux governattiva Sea Watch talbet lill-Italja għall-port sigur, dawn irrifjutaw milli jagħtuha port fejn 32 persuna jistgħu jinżlu fuq l-art. Il-Gvern kompla jgħid li l-bastiment spiċċa kellu jsalpa iktar il-bogħod minn fejn saret l-operazzjoni u spiċċa jistkenn fl-ibħra territorjali Maltin.

Intant Di Maio saħaq li l-Unjoni Ewropea ma jinteressahix  mill-problema filwaqt li l-Italja ma tistax ċċedi quddiem dar-rikkat. Kompla jgħid li l-ebda tifel jew tifla m’ommu ma jista’ jibqa’ fil-baħar ostaġġ għall-egojiżmu tal-Membri Stati fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Kompla jsostni li Malta għandha tħalli lin-nisa u lit-tfal jidħlu Malta umbgħad dawn għandu jintbgħatu l-Italja, fejn se jiġu milquha. Skont Di Maio din se tkun lezzjoni dwar l-umanità mill-Italja lill-Ewropa.

Huwa kompla jgħid li wara li jseħħ dan umbgħad għandu jkun hemm kommunikazzjoni bejn l-istati biex dawn jirrilokaw il-persuni skont il-kwota. Filwaqt li kompla jsostni lit-tfal ma għandhomx iħallsu l-prezz ta’ Ewropa li ma tatix kas.

Due navi ai confini dell'Europa. Ancora una volta solo l'Italia viene chiamata in causa. Malta non fa attraccare le…

Posted by Luigi Di Maio on Friday, January 4, 2019

Il-Gvern Malti wieġeb li l-Gvern Taljan għandu jiċċekkja l-fatti qabel ma jagħmel stqarrijiet bħal dawn fil-futur, filwaqt li fakkar li kienet l-Italja li għalqet il-portijiet kollha lill-għaqdiet mhux governattivi u operazzjonijiet oħra ta’ salvataġġ li saru fejn suppost l-immigranti ttieħdu l-Italja skont il-liġi internazzjonali.

Il-Gvern ikkonkluda li d-Deputat Prim Ministru Taljan jaf sew li bħalissa l-Kummissjoni Ewropea għaddejja b’ħidma biex madwar 300 persuna li ġew salvati fil-Mediterran Ċentrali jiġu rilokati madwar l-Ewropa.

Fit-22 ta’ Diċembru Sea Watch 3 salva 32 persuna mill-għarqa. Il-bastiment talab diversi pajjiżi għall-port sigur fejn dawn il-persuni li qed ifittxu ażil jistgħu jinżlu iżda l-pajjiżi kollha rriffjutaw. Ftit tal-jiem ilu tħalla jidħol fl-ibħra territorjali Maltin biex jistkenn mill-maltemp.