It-tfal li jaslu waħedhom mill-gwerra jridu kotba, rispett u fejn jilagħbu – Metsola

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista, Roberta Metsola, qalet li meta titkellem favur il-ħajja jfisser li tkun qed titkellem ukoll għal dawk it-tfal li jaslu waħedhom minn pajjiżi mifnijin bil-gwerra.
“Tfal li qed jaħarbu mill-gwerer mhux fildiferru u għeluq iridu, imma mħabba, fejn jilagħbu, drittijiet, rispett, kotba u nies jieħdu ħsiebhom”, sostniet Metsola meta kienet qed titkellem fis-sessjoni plenarja fil-Parlament Ewropew, li kienet qed tiffoka fuq dawn it-tfal.
Fil-fatt il-PE ikkonkluda li immigranti tfal m’għandhomx jinżammu f’ċentri ta’ detenzjoni, sakemm jiġi proċessat l-istatus tagħhom.
Il-PE ħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali biex iħaffu l-proċess li jaħtar gwardjani legali għal immigranti tfal li jaslu waħidhom sabiex jiġu protetti.
Appella wkoll biex ikun hemm sistema adegwata ta’ reġistrazzjoni għal dawn it-tfal, sabiex jibqgħu jingħataw il-protezzjoni nazzjonali.
Min-naħa tagħha, l-MEP tkellmet f’isem il-Partit Popolari Ewropew, meta sostniet li kull proċedura għandha tissaħħaħ biex tara li dan isir, u anki jiġu evitati nħawi minn fejn il-liġi tista’ tiġi abbużata.
“Kif aħna nġibu ruħna ma’ dawn it-tfal hu t-test ewlieni għall-UE”, temmet tgħid Metsola.