“It-tfal kollha għandhom id-dritt għal edukazzjoni inklussiva” – Caruana

Ritratt: MFED

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana sostniet li t-tfal kollha għandhom id-dritt għal edukazzjoni inklussiva. Hi qalet dan waqt li kienet qed tagħmel numru ta’ żjarat fi skejjel f’Għawdex, fosthom fl-iskola primarja Ta’ Sannat.

Hemmhekk, intlaqgħet mill-Kap tal-Iskola Pauline Grech li dawwritha mal-iskola kif ukoll l-Ispecial Unit li huwa dedikat għal studenti li għandhom xi diffikultajiet ta’ tagħlim. Kien hawnhekk li l-Ministru sostniet li se tkun qiegħda taħdem sabiex l-edukazzjoni inklussiva u l-ekwità jkunu hemm fil-prattika għaliex huwa dritt fundamentali ta’ kull tifel u tifla.

Iżżur aktar skejjel

Justyne Caruana kompliet biż-żjarat f’diversi skejjel oħrajn fosthom l-iskola primarja ta’ Għajnsielem, l-iskola primarja tal-Konservatorju tal-Arċisqof u l-iskola sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof.

Hawnhekk kienet milqugħa mill-kapijiet rispettivi tal-iskejjel u kellha ċ-ċans titkellem mal-edukaturi u LSEs dwar ix-xogħol u l-ħtiġijiet tagħhom.

Fl-iskola ġewwa Għajnsielem jiġi ppratikat it-tagħlim sħiħ permezz tal-prattika tal-arti. Din l-iskola b’koperazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-lokalità ħadet ħsieb li żżejjen id-dħul tal-iskola b’tiżjin tal-Milied.

Il-Konservatorju tal-Arċisqof tal-Primarja fir-Rabat joffri l-opportunità lill-istudenti maskili sabiex ikomplu l-istudji tagħhom fis-Seminarju Minuri filwaqt li l-istudenti femminili jistgħu jkomplu l-istudji tagħhom fl-iskola sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof, liema skola tinsisti fuq l-importanza tal-iżvilupp mhux biss akkademiku iżda wkoll personali.