It-tfal jigdbu fuq il-ġenituri LGBTIQ+ għax jiġu bbuljati

Matul din il-ġimgħa qed tiġi ċċelebrata l-Malta Pride Week, Marzia Farrugia, koordinatriċi tar-Rainbow Families Network qalet li tfal li l-ġenituri tagħom huma LGBTIQ+ jispiċċaw jigdbu fuq il-familji tagħhom għax jispiċċaw bbuljati. hija qalet li ftit huwa t-tfal li fl-iskola ngħataw il-possibilità li jiddedikaw it-tifkira tagħhom f’Jum l-Omm jew Jum il-Missier lill-persuni li huma sinifikanti għalihom. Hija spjegat li ħafna drabi t-tfal iħossuhom inviżibbli fis-soċjetà u jixtiequ li l-familji tagħhom jiġu rikonoxxuti.

Marzia Farrugia kienet qed titkellem f’konferenza stampa li tfakkar il-Malta Pride Week u l-ewwel sena tar-Raibow Families Netwerk. Għal din il-konferenza attendiet ukoll il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca li tmexxi l-Fondazzjoni għall-Ġid tas-Soċjetà.

Fid-diskors tagħha Marie-Louise Coleiro Preca qalet li Malta kienet pijuniera għal bidliet fis-settur ta’ persuni LGBTIQ+ u huwa fundamentali li jkun hemm proċess ta’ djalogu mingħajr vjolenza. Kompliet li persuni LGBTIQ+ jistgħu jkomplu jirnexxu jekk jgħixu f’soċjetà aktar inklussiva. Saħqet li dan id-djalogu għandu jinkludi lil kulħadd anke nies li jopponu l-bidla.

L-għan tar-Rainbow Families Network huwa li jipprovdi spazju sigur biex familji LGBTIQ+ ikunu jistgħu jaqsmu l-esperjenzi tagħhom ‘il bogħod mill-preġudizzji tas-soċjetà. S’issa 36 ġenitur u 30 persuna oħra ta’ orjentazzjonijiet differenti sabu l-appoġġ f’dan in-Network.

Minħabba d-diffikultajiet li t-tfal li qed jitrabbew minn persuni LGBTIQ+ ġieli jesperjenzaw l-iskola, in-Network qed joffri taħriġ għall-edukaturi u l-professjonisti psikosoċjali li jaħdmu fl-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u dawk Indipenedenti. Dan it-taħriġ jgħinhom jittrattaw relatajiet ta’ familji differenti.

Il-Fondazzjoni ta’ Malta għal Ġid tas-Soċjetà (MFWS) matul is-sena li għaddiet issieħbet mal- ILGA (The International Lesbian, Gay, Bisexual, Trans and Intersex Association) u man-NELFA (Network of European LGBTIQ+ Families Association). Dan ipprovda dimensjoni internazzjonali u riżorsi addizzjonali għall-Fondazzjoni.

Raisa Bartolo li se tkun il-koordinatriċi ta’ dan il-proġett qalet li n-Network se jkun qed jespandi biex jilqa’ persuni trans biex jgħin il-benesseri tagħhom u s-siċjetà tkun aktar inklussiva.

Min-naħa tiegħu Alex Caruana, li huwa parti mill-Malta LGBTIQ+ Rights Movement qal li jħossu sodisfatt jara persuni f’dan in-Network iħossuhom aktar kunfidenti matul din is-sena u saru attivisti tal-bidla.

Din il-konferenza stampa saret fuq inizjattiva konġunta bejn il-Fondazzjoni ta’ Malta għall-ġid tas-Soċjetà, ir-Rainbow Family Network u l-Malta LGBTIQ+ Rights Movement.