It-tfal jiddiskutu l-ambjent mal-politiċi

Bosta studenti minn 24 skola differenti, dalgħodu ħadu sehem fis-summit tal-Eko Skola, bit-tema “Aħna jimpurtana mill-futur tagħna” li sar fil-park ta’ Xrobb l-Għaġin.

Orġinarjament, din il-laqgħa kellha ssir f’April imma nħass il-bżonn li jkun aħjar jekk it-tfal jiltaqgħu mat-tlett rappreżentanti tal-partiti ewlenin biex qabel l-elezzjoni, jiddiskutu magħhom kwistjonijiet ambjentali. Fost is-suġġetti li ġew diskussa hemm: l-enerġija rinnovabbli, il-kwalità tal-arja, il-ħażna tal-ilma u l-biodiversità.

L-istudenti kienu mqassma fi gruppi u ppreżentaw abbozz ta’ mozzjoni lill-partiti politiċi, u li din imbagħad tiġi approvata fil-parlament meta titlaqqa’ is-sessjoni tal-EkoSkola. Preżenti kien hemm il-Ministru għall-Ambjent Mario Demarco, Carmel Cacopardo għall-Alternattiva Demoktatika, u iktar tard ingħaqad ukoll il-Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-għaqda Nature Trust, Vincent Attard, irringrazzja lill-politiċi talli taw ċans lit-tfal jieħdu sehem f’dan l-eżerċizzju demokratiku.

Ritratti: Daniel Balzan