It-tfal jappellaw lill-ġenituri biex ineħħu l-mowbajls u jagħtu kashom

It-tfal qegħdin jappellaw lill-kbar biex isibu l-ħin biex jikkomunikaw magħhom, ineħħu l-mowbajls minn idejhom u jiddjalogaw magħhom b’tali mod li jħossuhom mismugħa. Din l-informazzjoni ħarġet minn konsultazzjoni nazzjonali.

Il-messaġġ tat-tfal huwa: “L-adulti m’għandhomx biżżejjed ħin u xi drabi jqisuna qadja xi jneħħu mil-lista tagħhom.”

‘You Matter No Matter What’

Ir-rapport ‘You Matter No Matter What’ tnieda lbieraħ miċ-Ċentru tat-Tfal fi ħdan il-Fondazzjoni tal-President għall-Benessri tas-Soċjetà. Ir-rapport huwa twil 70 paġna u jiġbor informazzjoni ġejja minn konsultazzjoni ma’ 2,400 tifel u tifla fi 48 skola f’Malta u Għawdex, proċess li dam sena għaddej.

Kienu t-tfal li ħolqu dan il-proġett, u ħarġu bit-tema għalih, u anke wettqu l-analiżi tal-informazzjoni miġbura bl-għajnuna tal-adulti.

Ir-riżultat ewlieni ta’ dan ir-rapport huwa appell lill-adulti biex jisimgħuhom u jaċċertaw li l-ilħna tat-tfal jinstemgħu f’kull livell tas-soċjetà.

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca qalet li t-tfal u ż-żgħażagħ huma l-esperti fl-esperjenzi tagħhom, u li hija r-responsabbiltà tal-adulti li jinkludu lit-tfal fid-diskussjonijiet u jipprovdulhom is-sapport li jeħtieġu biex jipparteċipaw.

Aqra iżjed hawnhekk.