It-tfal iridu jimsħu s-seats tal-vannijiet? “Mhux minnu” – Il-Ministru

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici ċaħad li xi studenti se jintalbu jimsħu fejn ipoġġu fil-vann tal-iskola huma stess, u mhux ix-xufiera.

Xi ġenituri qalu lil Newsbook.com.mt li ġew infurmati mill-iskejjel fejn jattendu wliedhom li s-seats fil-vannijiet iridu jintmesħu mit-tfal stess qabel jinżlu mill-vann.

Mistoqsi dwar dan minn Newsbook.com.mt, il-Ministru Owen Bonnici qal li dan mhuwiex minnu. Ġie spjegat mill-Ministeru li kull operatur tat-trasport kien infurmat mill-ewwel bil-pariri u l-gwida tal-awtoritajiet tas-saħħa, inkluż li l-operaturi nfushom għandhom inaddfu bejn vjaġġ u ieħor. 

Xi operaturi tat-trasport li kellhom magħhom Newsbook.com.mt ukoll qalu li dan mhuwiex minnu. Sostnew li l-Ministeru tal-Edukazzjoni dejjem qalilhom li għandhom ikunu huma li jnaddfu l-vannijiet, u mhux l-istudenti.

Operatur minnhom spjega li min-naħa tal-Gvern, qalulhom biex:

  • Il-vjaġġi ma jkunux f’xulxin bħala ħin, sabiex it-tindif tal-vann jilħaq isir sew u tintlaħaq kull rokna fil-vann.
  • Jipprovdu hand sanitisers għat-tfal, biex jużawh meta jitilgħu fil-vann.
  • Jekk ma jkunux lebsin maskra, it-tfal ma jkunux permessi fuq il-vann.
  • Ix-xufier ikun bil-maskra għall-vjaġġ kollu.
  • Ikun hemm limitu ta’ kemm jistgħu jirkbu tfal f’kull vjaġġ.
  • It-tfal jibqgħu fl-istess bubble – ma jkunx hemm taħlit bejn gruppi.
  • Ma jiġbrux tfal minn skejjel differenti.

Madankollu, minkejja li dan l-operatur instema’ kunfidenti fil-miżuri mogħtijin lilu mill-awtoritajiet, operatur ieħor qal li hemm wisq inċertezza dwar il-ftuħ tal-iskejjel. Ilmenta li ma jafux wisq dwar x’se jiġri u x’inhu mistenni minnhom. Saħaq li għad għandu ħafna mistoqsijiet li ma ġewx imweġbin.

L-iskejjel għandhom jiftħu mill-ġdid nhar it-Tnejn li ġej, għas-sena skolastika l-ġdida. Is-sena skolastika li għaddiet intemmet ħesrem meta feġġet l-imxija tal-coronavirus f’Jannar.

L-unjins tal-għalliema u l-edukaturi huma kontra l-ftuħ tal-iskejjel f’dan l-istadju, billi l-għadd ta’ każijiet ta’ coronavirus ta’ kuljum huwa wieħed allarmanti, u dan in-numru huwa mistenni jkompli jikber ladarba jerġgħu jiftħu l-iskejjel, minkejja l-linji gwida maħruġin mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Il-Prim Ministru nnifsu stqarr li hu jemmen fil-preżenza fiżika tat-tfal fil-klassi. Sostna li filwaqt li l-każijiet jaf jiżdiedu, huwa importanti li ma tintilifx ġenerazzjoni minħabba l-pandemija. Qal li l-virus huwa magħna fit-tul, u għalhekk, irridu nitgħallmu naddattaw u ngħixu bih.

Intom imħassbin fuq l-użu tal-vannijiet mit-tfal?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt.