It-tfal ikomplu bl-avventura tagħhom

Dalgħodu fl-10.15am fuq TVM se jixxandru żewġ episodji oħra mis-sensiela Il-Misteru tan-Nannu Ton, b’kitba ta’ Dominic Said, produzzjoni ta’ Hermann Bonaci u direzzjoni ta’ Frida cauchi.

Fl-ewwel episodju tal-lum, li huwa t-tielet wieħed minn din is-sensiela, Mark u Sharon ikomplu bl-avventuri tagħhom fil-kamra tal-imbarazz tan-nannu fejn jiskopru dinja fantastika mmexxija minn tribu ta’ tfal li jsejħu lilhom infushom Agii. Imma dawn jgħixu billi jixorbu moħħ il-bnedmin.

F’did-dinja Mark u Sharon jagħmlu ħbieb ma’ Nusu, tifel żgħir li qal li se jkun ħabib tagħhom. Iżda meta nqabdu fl-inkwiet, dan Nusu sparixxa. Issa Nusu għandu bżonnhom. It-tfal jerġgħu jippruvaw jidħlu fil-kamra. X’jigri ?

Eżatt wara jixxandar ir-raba’ episodju fejn naraw kif wara ħafna taqtiegħ il-qalb u avventuri, it-tfal jerġgħu isibu ruħhom fid-dinja fantastika ta’ Agii. Imma x’se jagħmlu issa li qed isir il-ħin u ommhom tkun qed tistennihom?

X’jiġri jekk ommhom iċċempel lil nannithom u din tgħidilha li Mark u Sharon ilhom aktar minn nofs siegħa li telqu? Allura x’sar minnhom? U x’jaraw daqshekk tal-għaġeb Mark u Sharon x’ħin Nusu jiftaħ iċ-ċella fejn suppost hemm in-nannu tagħhom?

Jieħdu sehem: Jurgen Ciantar, Carly Zarb, Raoul Briffa, Dylan Hili, Amarea Camilleri, Rebecca Ferrante, Louise Cassar u Mike Mifsud fost oħrajn.

Repetizzjoni ta’ dawn iż-żewġ puntati tixxandar illejla fis-6.50pm fuq TVM2.