It-tfal ibatu bl-istorbju u t-trab dieħel fil-klassijiet

Aġġornat 01:52 PM

2 siti ta’ kostruzzjoni maġenb il-Middle School f’Għawdex; proġetti tal-Gvern

Middle School Vitoria Gozo - trab u storbju - Covid times
Trab u storbju minn tieqa miiftuħa fil-Middle School tar-Rabat Għawdex

Read in English.

Xogħol ta’ kostruzzjoni biswit il-Middle School fir-Rabat Għawdex qed jaffettwa t-tagħlim u s-saħħa tal-istudenti u l-għalliema. Ix-xogħol jinsab għaddej fuq żewġ naħat: il-bini ta’ Skola Primarja ġdida u xogħol fuq il-proġett tal-pixxina n-naħa tal-Gozo Sports Complex.

Għalliema u ġenituri li wliedhom jattendu din l-iskola qalu ma’ Newsbook.com.mt li l-lezzjonijiet ma jistgħux isiru bl-istorbju u t-trab dieħel fil-klassijiet.  Skont il-protokoll għall-iskejjel maħruġ mill-awtoritajiet tas-saħħa, it-twieqi u l-bibien tal-klassijiet iridu jinżammu miftuħa l-ħin kollu.

Skont l-għalliema li tkellmu ma’ dan is-sit, il-klassijiet din is-sena għandhom mal-20 student u “t-trab u storbju dieħel minn kull naħa jagħmilha aktar diffiċli biex ngħallmu, speċjalment minħabba li rridu nkunu lebsin maskra l-ħin kollu”. Hu mifhum li b’intervent tal-Kap tal-Iskola s-sitwazzjoni marret għall-aħjar għal xi jiem, u xogħol ta’ kostruzzjoni waqt il-ħin tal-iskola kien qed isir biss għal ftit ħin.

Middle School Vitoria Gozo - trab u storbju - Covid times
Trab u storbju minn tieqa miiftuħa fi klassi fil-Middle School tar-Rabat Għawdex

Madanakollu s-sitwazzjoni reġgħet lura għal li kienet, bl-amministrazzjoni tal-iskola tagħti struzzjonijiet lill-għalliema biex jagħlqu t-twieqi ta’ naħa minnhom. L-għalliema ma jħossuhomx komdi li jagħmlu dan minħabba l-imxija tal-coronavirus u fid-dawl li l-klassijiet huma populati b’aktar minn 20 student.

Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li “l-Middle School tar-Rabat Għawdex għandha klassijiet b’popolazzjoni meqjusa normali ta’ studenti. Ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni mill-FTS ma jsirux waqt il-ħin tal-iskola, imma wara. Huwa minnu li hemm xogħol li qed isir mill-Ministeru għal Għawdex, imma ma rċevejniex ilmenti f’dan is-sens”.

Is-sitwazzjoni tal-għalliema u l-istudenti f’din l-iskola mhux aċċettabbli – PN

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li mhuwiex aċċettabli li l-istudenti u l-għalliema Għawdxin qegħdin ikollhom isofru storbju u trab minħabba x-xogħlijiet li qegħdin isiru. Żiedu li dawn ix-xogħlijiet m’għandhomx itellfu t-tagħlim jew ixekklu l-ambjent san għall-istudenti u l-għalliema fl-iskola u s-sitwazzjoni preżenti diġà hija diffiċli minħabba l-pandemija tal-Covid-19.

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni u t-Tiġdid tad-Dinja tax-Xogħol u d-Djalogu Soċjali Parteċipattiv Clyde Puli fi stqarrija f’isem il-Partit Nazzjonalista qal li jeħtieġ li ‘Nissaħħu Flimkien ukoll fl-edukazzjoni bil-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista’ u żied li t-talent uman huwa l-bażi li fuq jrid jinbena l-futur tal-ulied u l-pajjiż. Il-Partit Nazzjonalista qal li l-viżjoni tal-Partit hija li l-għalliema u l-edukaturi jkunu protagonisti tal-bidliet fil-ħiliet li jridu jinkisbu fis-snin li ġejjin.

Ġenitur jew għalliem/a?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna l-esperjenza tiegħek dwar din is-sena skolastika fuq info@newsbook.com.mt