“It-tfal huma l-aktar rigal prezzjuż li għandhom il-ġenituri”

Il-Papa Franġisku f’laqgħa li kellu fil-Vatikan ma’ membri tal-Assoċjazzjonijiet tal-Għaqdiet tal-Ġenituri Taljani li qed jiċċelebraw il-50 anniversarju mit-twaqqif tagħhom enfasizza li “t-tfal huma l-aktar rigal prezzjuż li l-ġenituri rċivew.”

F’dikors li għamlilhom, il-Papa enfasizza kemm hu rigal kbir li jkollok it-tfal u kemm hu importanti li l-ġenituri jikkooperaw mal-istrutturi u l-persuni l-oħra involuti fl-edukazzjoni u t-trobbija tat-tfal.

“Għeżież ġenituri, it-tfal huma l-isbaħ rigal li qatt irċivejtu. Għarfu pproteġuhom b’impenn u ġenerożità u ħallulhom il-libertà meħtieġa biex jikbru u jimmaturaw b’mod li eventwalment anke huma jkunu miftuħa għall-ħajja.”

“L-attenzjoni li biha bħala Assoċjazzjoni tħarsu ‘l uliedkom mill-perikli li hemm fil-ħajja taż-żgħar m’għandhomx jimpedukom milli tħarsu ‘l quddiem lejn id-dinja b’fiduċja u tagħżlu u tindikaw lil uliedkom l-aħjar okkażjonijiet għal żvilupp uman, ċivili u Kristjan.”

Il-Papa wera apprezzament għall-impenn biex jappoġġjaw inizjattivi edukattivi. Hu lmenta li l-għalliema m’għadhomx apprezzati bħal qabel meta dawn jixirqilhom ikunu apprezzati għall-kontribut prezzjuż tagħhom.

Hu rrakkonta aneddotu meta darba qal xi ħaġa ħażina lill-għalliema tiegħu meta kien għad għandu 10 snin. “Għidt xi ħaġa mhux sabiħa lill-għalliema u hi bagħtet għal ommi. L-għada ommi ġiet l-iskola  u l-għalliema ħarġet tkellimha u omma mbagħad sejħitli u ċanfritni quddiem l-għalliema.”

Żied li ommu qaltlu biex jiskuża ruħu mal-għalliema u jbusha u hu obda u wara rritorna lejn il-klassi, kuntent għax l-istorja waqfet hemm.  “Imma le, l-istorja ma spiċċatx hemm. It-tieni biċċa kompliet id-dar.” Hekk għandha tkun il-kollaborazzjoni bejn il-familja u l-għalliema fil-qasam edukattiv.

“Mingħajr l-għalliema tispiċċaw weħidkom fl-edukazzjoni tal-ulied u tkun anqas kapaċi tiffaċċjaw l-isfidi edukattivi ġodda li ġejjin mill-kultura kontemporanja, mis-soċjetà, mill-midja u mit-teknoloġiji ġodda. L-għalliema bħalkom, impenjati kuljum biex jedukaw lil uliedkom.”

“Jekk hu ġust li wieħed jilmenta meta dawn jonqsu, hu dover li nuruhom stima bħala l-aktar alleati importanti fil-proġett edukattiv li għandkom tmexxu ‘l quddiem flimkien.”