It-tfal għandhom drittijiet. Imma dawn xi drittijiet huma?

Id-drittijiet tat-tfal mhuma xejn iktar mid-drittijiet li għandu kull bniedem, jiġifieri dak li hu fundamentali biex ikunu jistgħu jikbru f’saħħithom, jiżviluppaw it-talenti tagħhom u jkunu kuntenti. 

Dawn insibuhom miġburin fil-‘Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tat-Tfal’, li kienet ġiet iffirmata fl-1989 minn kważi l-pajjiżi kollha tad-dinja. Dawn kienu qablu li t-tfal bħala bnedmin għandhom il-bżonnijiet tagħhom u għalhekk għandu jkollhom dawn id-drittijiet. Il-Gvern Malti kkommetta ruħu billi ffirmaha fl-1990. 

Bħala parti mill-pjan biex jiġu żgurati d-drittijiet tat-tfal, inħoloq l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal. Ix-xogħol ewlieni tiegħu hu li jara li t-tfal infushom, kif ukoll il-ġenituri, l-edukaturi u kull min hu preżenti fil-ħajja tat-tfal ikunu jafu dwar dawn id-drittijiet.

F’Novembru 2017, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal ġie inkarigat li jara li l-Politika Nazzjonali tat-Tfal (imnedija mill-Ministeru tal-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali) qed tiġi implimentata. 

Din il-Politika tindirizza tliet prinċipji: 

  • li t-tfal għandhom dritt jiġu protetti minn kull ħsara; 
  • għandhom dritt jiġu pprovduti b’servizzi bħall-edukazzjoni u s-saħħa; 
  • għandhom dritt jipparteċipaw fid-deċiżjonijiet li jittieħdu dwarhom. Il-Kunsill tat-Tfal jgħin lill-Kummissarju għal dan il-għan.

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal ilu jaħdem favur id-drittijiet tat-tfal minn meta twaqqaf 16-il sena ilu. Tingħata prijorità lill-parteċipazzjoni tat-tfal għaliex ma nistgħux nagħmlu deċiżjonijiet għalihom mingħajr ma nitkellmu magħhom, u dan isir fil-familja u fl-iskola kif ukoll fuq livell nazzjonali jew Ewropew, fejn isiru liġijiet. Jara wkoll x’effett jistgħu jkollhom fuq it-tfal il-liġijiet u l-politiki billi ninvolvuhom b’mod dirett f’dan il-proċess.

Suzanne Garcia Imbernon hija uffiċjal fl-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal

Tista’ tara l-verżjoni sħiħa ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn.