It-tfal għandhom dritt jgħixu f’ambjent stabbli – Assoċjazzjoni tal-Foster Care

L-Assoċċjazzjoni Nazzjonali Maltija tal-Foster Care (NFCAM) fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Protezzjoni tat-Tfal fi stqarrija qalet li tixtieq tenfasizza l-importanza li t-tfal jitrabbew u jikbru fl-imħabba ta’ familja li tgħożżhom u tirrispettahom għaliex din tagħtihom is-sigurtà u l-istabbiltà neċessarja biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom. Żiedet li dan id-dritt huwa wkoll enfasizzat fil-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda tad-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC) kif ukoll fil-linji gwida dwar il-Kura Alternattiva tat-Tfal li Malta ffirmat u għalhekk obbligata li tonora.

L-Assoċċjazzjoni qalet li r-relazzjonijiet li t-tfal jibnu fil-familji inkluż fil-foster care jibqgħu jservu ta’ mudell u sostenn għall-kumplament ta’ ħajjithom. Żiedet li f’Malta hawn numru ta’ tfal li ma jistgħux jgħixu mal-ġenituri bijoloġiċi tagħhom ma hemmx familja alternativa li magħha jistgħu jgħixu. Huwa appellaw biex il-foster care ikun l-għażla naturali sabiex it-tfal ikollhom l-istabbiltà li għandhom bżonn fit-trobbija.

L-Assoċjazzjoni ħeġġet lill-Gvern biex jinvesti aktar fil-fostering biex jinħolqu aktar postijiet għal tfal fil-foster care li ma jistgħux ikomplu jgħixu mal-ġenituri bijoloġiċi tagħhom jew li diġà qed jingħataw ħarsien barra minn djarhom. Żiedu li hemm bżonn jissaħħu s-servizzi eżistenti u jinħolqu oħrajn li jagħtu sostenn lill-foster carers fl-impenn tagħhom biex iħarsu tfal vulnerabbli fis-soċjetà.

In-NFCAM qalet li t-tfal kollha għandu jkollhom d-dritt fundamentali li jgħixu fl-imħabba ta’ familja Żiedu li dawk it-tfal li għadhom qed jgħixu fl-abbuż jingħataw ħarsien mingħajr telf ta’ żmien.

Huma appellaw lill-gvern biex iġib fi tmiemu l-proċess tal-liġi l-ġdida għall-Ħarsien tat-Tfal li ilu għaddej 6 snin. F’din il-liġi l-Assoċċjazzjoni appellat biex ikun assigurat li l-professjonijisti kollha li jaħdmu mat-tfal jirċievu t-taħriġ neċessarju dwar it-tħaddim u l-implikazzjonijiet ta’ din il-liġi biex ikun assigurat il-ħarsien tal-aktar membri vulnerabbli fis-Soċjetà.