“It-tfal fl-iskejjel jixirqilhom li jingħataw frott u ħaxix frisk” – PN

Halib

Il-Partit Nazzjonalista sostna li t-tfal fl-iskejjel għandu jingħatalhom frott u ħaxix frisk.
Dan qalu fi stqarrija wara li ġenituri urew it-tħassib tagħhom għall-kwalità tal-ikel li qed jingħata lill-uliedhom fl-iskejjel.
Fl-istqarrija l-PN irrimarka li t-tfal jixirqilhom aħjar minn “servizz fl-iskejjel li reġa’ ddaħħal bl-għaġla mill-Gvern qabel tintemm is-sena skolastika.”
Spjega kif l-iskema kienet bdiet mill-Gvern Nazzjonalista sabiex it-tfal jitgħallmu dwar l-importanza tal-frott u l-ħaxix f’dietà tajba li tkun nutrijenti. Insista li kien sforz nazzjonali sabiex titnaqqas l-obeżità fost it-tfal Maltin u Għawdxin.
Għaldaqstant il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-għan edukattiv se jispiċċa fix-xejn jekk il-frott u l-ħaxix ma jkunx frisk.
L-istqarrija kompliet tgħid kif minħabba nuqqasijiet amministrattivi, din l-iskema kienet waqfet għal numru ta’ xhur u ttellgħet ukoll fuq livell Ewropew mill-Ewroparlamentari Nazzjonalista Francis Zammit Dimech.
Il-Partit Nazzjonalista temm l-istqarrija b’appel lill-Gvern sabiex iqassam fl-iskejjel frott u ħaxix frisk, filwaqt li jagħti s-servizz b’anqas impatt ambjentali bl-użu tal-inqas ammont ta’ plastik possibbli.
Fl-aħħar jiem, bosta ġenituri, għalliema u attivisti kkritikaw b’mod aħrax is-sistema l-ġdida tal-frott u l-ħalib b’xejn fl-iskejjel wara li nstab li dawn qed ikunu ppakkettjati f’kontenituri tal-plastik kif ukoll qed jintużaw straws tal-plastik.
Min-naħa tagħha l-Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli sostniet li minkejja li l-iskema tal-frott u l-ħalib hija waħda pożittiva hemm bżonn li wieħed jassigura li ma jiġix iġġenerat aktar skart.