“It-tfal fil-qalba tal-ħsieb tiegħi” – il-President

Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, sosniet li t-tfal jinsabu fil-qalba tal-politika u l-ħsieb tagħha tul din il-presidenza.
Hija u titkellem ma’ tfal u żgħażagħ żgħar waqt sessjoni ta’ mistoqsija u tweġiba, organizzata mill-Intergrupp għat-Tfal fi Ħdan il-Parlament Ewropew, il-Eurochild u l-UNICEF fi Brussell, il-president enfasizzat l-importanza li t-tfal jitfasslilhom spazju sigur u li fih ma jħossuhomx iġġudikati l-ħin kollu.
Żiedet tgħid li meta t-tfal iħossuhom komdi jinbidlu fi ħlejjaq li jħossuhom liberi jesprimu dak kollu li qed iħossu, kull ħin u kull mument.
Tkellmet dwar l-inizjattiva tagħha, il-President’s Secret Garden, komunità li fiha t-tfal u ż-żgħażagħ qed jitgħallmu kif ikunu ċittadini attivi.
Dwar il-Kunsill tat-Tfal u l-Kunsill taż-Żgħażagħ, it-tnejn fi ħdan il-Fondazzjoni tal-President għall-Benessri tas-Soċjetà, il-president qalet li kollha mkebbsin miċ-ċentralità tat-tfal fil-filosofija tagħha.
Saħqet li t-tfal huma l-esperti f’dak kollu li għandu x’jaqsam magħhom, u allura jridu jiġu mismugħa, li hu wkoll dritt imnaqqax f’Artiklu 12 mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda għad-Drittijiet tat-Tfal.
Temmet ittenni l-ħtieġa ta’ ambjenti siguri fejn it-tfal jgħidu tagħhom.
Fi stqarrija separata, il-President qalet li “fost l-akbar għodda li t-tfal Maltin jista’ jkollhom biex jaċċessaw id-drittijiet tagħhom hemm id-dritt li jiġu mismugħin u mogħtija r-rispett u d-dinjità li jixirqulhom. Coleiro Preca stqarret li biex dan iseħħ, mal-Politika Nazzjonali għat-Tfal irid ikun hemm ukoll leġiżlazzjoni meħtieġa li tħares id-drittijiet tagħhom. Fil-fehma tal-President kwalunkwe dokument maħsub għat-tfal irid ikun jinftiehem u aċċessibbli għalihom.
Waqt it-tnedija tal-Politika Nazzjonali għat-Tfal mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, il-President qalet li hu d-dritt tat-tfal li jinstemgħu fi spazji safe fejn jaqsmu l-esperjenzi u l-aspirazzjonijiet tagħhom.
Ritratt: DOI – Clifton Fenech