“It-tfal fil-klassi ta’ Rodwan iffirmaw ballun u ppreżentawh fil-funeral”

Il-Kap tal-Iskola ta’ St Catherine’s High School, li kien jattendi Rodwan Aghil, it-tifel li ttajjar nhar is-Sibt li għadda f’Pembroke, qalet li l-iskola sejħet counsellor professjonali biex jitkellem mal-għadd ta’ ħbieb li kellu Rodwan, kemm ilu li ngħaqad mal-Iskola f’Ottubru li għadda.
Sue Midolo qalet li għall-funeral ta’ Rodwan attendew madwar 70 student u 20 impjegat tal-iskola. Żiedet tgħid li sħabu tal-klassi u xi għalliema ffirmaw ballun u ppreżentawh lil missier Rodwan waqt il-funeral.
Midolo spjegat kif nhar it-Tnejn, għadd ta’ studenti ppreparaw kartolini, talb, poeżiji u posters biex ifakkru lil seħibhom li tilef ħajtu f’inċident tat-traffiku. Ħadu wkoll magħhom xi fjuri.
Il-Kap tal-Iskola qalet li fil-foyer tal-iskola u anke fil-kurituri, għamlu żewġ billboards biex ifakkru lil Rodwan fosthom.
Sostniet li l-iskola hi impenjata biex tkompli tagħti l-appoġġ lil ħut Rodwan, li wkoll jattendu l-Iskola, kif ukoll lil sħabu tal-klassi, li kollha huma affettwati bil-mewt tiegħu.
Żiedet tgħid li l-ġimgħa d-dieħla, il-Kunsill tal-Istudenti tal-Iskola, flimkien mat-tim tal-amministrazzjoni tal-iskola, se jorganizzaw ċerimonja privata biex jiċċelebraw il-ħajja tiegħu.