It-tfal fi Spanja se jitħallew joħorġu

Reuters

Il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sánchez ħabbar li beħsiebu jtaffi l-miżura li t-tfal Spanjoli jinżammu ġewwa, sabiex ikunu jistgħu jgawdu ftit l-arja friska ta’ barra.

It-tfal Spanjoli ilhom jinżammu ġewwa mill-14 ta’ Marzu, taħt miżuri stretti kontra l-imxija tal-coronavirus. Is-Sindku ta’ Barċellona Ada Colau talbet lill-Gvern sabiex iħalli lit-tfal joħorġu.

Ilbieraħ filgħaxija, il-Prim Ministru tkellem fuq l-istazzjon nazzjonali Spanjol u qal li fis-27 t’April, il-miżura se tiġi llaxkata xi ftit, sabiex it-tfal ikunu jistgħu joħorġu. Spjega li Spanja issa tista’ timxi ‘l quddiem mill-iżjed mumenti estremi tal-pandemija.

Madankollu, Sánchez qal li se jitlob lill-Parlament jestendi l-istat ta’ emerġenza fil-pajjiż sad-9 ta’ Mejju, peress li l-avvanzi li saru xorta mhumiex biżżejjed, u wissa li l-pajjiż ma jistax jgħaġġel.

Spanja kellha aktar minn 20,000 mewta minħabba l-coronavirus, u kważi 200,000 każ.

Spanja bdiet tnaqqas il-lockdown strett li daħal fis-seħħ fl-14 ta’ Marzu hekk kif din il-ġimgħa fetħet mill-ġdid xi setturi tal-ekonomija, inkluż il-manifattura. Minkejja dan, il-maġġoranza taċ-ċittadini għadhom maqfulin fi djarhom sakemm mhux sabiex jagħmlu x-xirjiet essenzjali.

Intant, l-imwiet madwar id-dinja qabżu l-160,000 skont l-aħħar statistika. L-Istati Uniti għandha l-ogħla numru ta’ mwiet madwar id-dinja, bi kważi 40,000 persuna mejta. Fiċ-Ċina lbieraħ kien hemm l-inqas numru ta’ każijiet fi żmien xahar, u l-ebda mewt ma ġie rrappurtat bil-coronavirus.

Il-Korea t’Isfel kellha aħbar tajba wkoll, issa li kellha inqas minn 10 każijiet f’ġurnata għall-ewwel darba mindu faqqgħet il-pandemija.

Franza kellha 642 mewt bil-coronavirus ilbieraħ, u t-total fil-pajjiż qorob lejn l-20,000. Fir-Renju Unit, it-total ta’ mwiet qabeż il-15,000 bi 888 fatalità fl-aħħar jum.

Xi stati fl-Amerka qegħdin jillaxkaw il-miżuri, billi xi negozji se jitħallew jiftħu mill-ġdid nhar it-Tnejn f’Texas u Vermont. Minkejja dan, il-Kanada u l-Istati Uniti qablu li jġeddu r-restrizzjonijiet dwar il-fruntieri għal 30 jum ieħor. Il-President Donald Trump wissa li ċ-Ċina tista’ taffaċċja konsegwenzi serji jekk kienet konxja li hi responsabbli għall-pandemija.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn