It-tfal fi Spanja se jitħallew imorru passiġġata

Il-ġenituri Spanjoli laqgħu d-deċiżjoni tal-Gvern Spanjol li jħalli lit-tfal joħorġu passiġġata qasira wara aktar minn xahar imsakkrin ġewwa.

Spanja huwa t-tieni pajjiż fl-Ewropa fir-rata ta’ mwiet b’total ta’ 21,707 persuna li mietu minħabba l-coronavirus. Huwa t-tieni l-akbar pajjiż li sofra minn tixrid tal-virus, b’total ta’ 208,389 każ. Dan wassal għal restrizzjonijiet kbar fuq il-pajjiż, inkluż li t-tfal ma jitħallewx joħorġu mid-dar tagħhom.

Ilbieraħ filgħaxija, il-Gvern Spanjol sema’ l-pressjoni pubblika, fejn saħansitra għexieren protestaw billi ħarġu jħabbtu l-borom fil-gallariji u t-twieqi. Hu qal li tfal taħt l-14-il sena se jitħallew joħorġu passiġġata qasira barra mid-dar, taħt superviżjoni, fi tmiem il-ġimgħa.

Omm li tkellmet ma’ Reuters spjegat li ż-żewġ uliedha, Carla ta’ 11-il sena u Ariadna ta’ 3 snin spiċċaw ifittxu x’jagħmlu u saħansitra bnew kamp f’appartament. Qalet li huma għandhom Disney+, Netflix u videogames, imma ma tridx li wlieda jqattgħu bejn ħames u seba’ sigħat wiċċhom ma’ screen.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn