It-tfal Ewropej jaħsbu li YouTube huwa fost l-iktar siti perikolużi

Is-siti eletroniċi fejn wieħed jista’ jixxerja l-videos huma kkunsidrati bħala l-aktar perikolużi fost it-tfal.

Skont stħarriġ maħruġ mill-EU Kids Online Project li sar fl-okkażżjoni tal-Jum Dinji li jfakkar l-użu sigur tal-internet, it-tfal Ewropej jikkunsidraw siti bħal YouTube bħala l-aktar perikolużi fejn jidħol pornografija u vjolenza.

Mal-10,000 tifel u tifla ta’ bejn id-9 u s-16-il sena ħadu sehem f’dan is-servej. YouTube kien l-aktar sit li ssemma’ hekk kif 32% rreferew għal dan is-sit bħala wieħed ta’ riskju għat-tfal.

Malta, li ma pparteċipatx f’dan l-istħarriġ, hija rrapreżentata mill-kampanja BeSmartOnline! li fost l-oħrajn tiġbor fiha Aġenzija Żgħażagħ u l-Kummisarju għat-tfal.

Fl-okkażżjoni ta’ dan il-jum, se tkun qed tiġi mnedija inizzjattiva mmirata biex tinkoraġixxi li tfal tas-sitt sena primarja jagħmlu użu mill-internet flimkien ma’ xi familjari jew persuna adulta li mhux familjari mal-użu tal-internet. B’hekk, dawn it-tfal, li ħafna minnhom huma familjari ma’ din it-tip ta’ teknoloġija, jgħinu lil dawk adulti fl-użu tal-internet.